contenteditable="true">
L-Oġġetti
Id-Definizzjon Din l-iskeda tipprovdi l-proċeduri għat-teħid tal-kampjuni ta’ oġġetti tal-ikel likwidi b’viskożità għolja f’massa, bħal għasel, prodotti tat-tadam, zlazi, ġamm, xiroppi tal-qamħ u tal-aġġru, ġuleppi, xiropp taċ-ċikkulata, mustarda, meraq, konċentrati tal-frott u tal-ħxejjex; xaħmijiet tal-annimali u żjut veġetali ta’ viskożità għolja, xaħam, marġerina, butir tal-kawkaw, butir tal-karawett, xaħam veġetali għall-għaġina u prodotti simili. Il-komoditajiet imsemmija hawn fuq jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll bħala li għandhom viskożità baxxa skont in-natura eżatta tagħhom u/jew it-temperatura tagħhom.

Għall-oġġetti tal-ikel likwidi b’viskożità baxxa ara ‘L-oġġetti tal-ikel, likwidi, viskożità baxxa’.

Għall-prodotti f’pakketti individwali ara l-iskeda speċifika għal ‘Il-pakketti għall-bejgħ bl-imnut’.

Għall-prodotti tal-ħalib ara l-iskeda speċifika għal ‘Il-prodotti tal-ħalib’.

L-oġġetti tal-ikel, likwidi, viskożità għolja
Il-kwantità minima rrakkomandata għal kull kampjun
  • 0.5 L jew 0.5 Kg
L-istandards applikabbli (ISO u Normi tal-UE) u l-leġiżlazzjoni rilevanti
  • EN ISO 5555: Xaħmijiet u żjut tal-annimali u veġetali. It-teħid ta’ kampjuni.
  • ISO 11648-1: Aspetti statistiċi tat-teħid tal-kampjuni minn materjal f’massa.
  • ISO 11648-2: Aspetti statistiċi tat-teħid tal-kampjuni minn materjal f’massa.
  • Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 dwar il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi fis-settur taz-zokkor.
  • Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1276/2008 tas-17 ta’ Diċembru 2008 dwar il-monitoraġġ permezz ta’ verifiki fiżiċi tal-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli li qegħdin jirċievu rifużjonijiet jew somom oħra.

Għandek tirreferi wkoll għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħek u l-linji gwida nazzjonali tiegħek rigward it-teħid tal-kampjuni.


It-tagħmir meħtieġ
L-għodda ssuġġerita għat-teħid tal-kampjuni skont il-metodu użat
  • Sassla għat-teħid tal-kampjuni (L04-01)
  • Għodda għat-teħid tal-kampjuni bil-pistun (L05-01)
  • Kazzola għat-teħid tal-kampjuni (S03-01)
  • Għodda għat-teħid tal-kampjuni f’għamla ta’ trabuxù (S04-01)
  • Għodda għat-teħid ta’ kampjuni ta’ ikel iffriżat (E01-01)
  • Għodda għat-teħid ta’ kampjuni f’għamla ta’ trapan żgħir (E02-01)
  • Kontenitur għat-taħlit.
  • Lembut.
  • Għodda ġenerali: sikkina, kuċċarun, eċċ.
Ram u ligi tar-ram m’għandhomx jintużaw.

Il-kontenituri li għandhom jintużaw għat-teħid tal-kampjuni
  • Fliexken tal-ħġieġ (G01)
  • Kontenituri tal-metall (M01)
  • Fliexken tal-plastik, b’għonq wiesgħa, tad-daqs 500–1 000 ml (P03, P04), preferibbilment mhux trasparenti.
Il-kontenituri kollha għandhom ikunu adattati għall-ikel inklużi prodotti aċidużi ħafna.

Il-prekawzjonijiet ta’ sigurtà u l-valutazzjoni tar-riskju Jekk jogħġbok irreferi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħek u l-linji gwida nazzjonali tiegħek dwar is-saħħa u s-sigurtà.

  • Għandek tispezzjona l-prodott qabel tieħu kampjun tiegħu sabiex tivvaluta jekk hemmx oġġetti perikolużi u sabiex tagħti ċans sakemm tinġabar l-MSDS jew l-ADR meħtieġa jekk din tkun disponibbli. Taħt kundizzjonijiet normali l-oġġetti tal-ikel ma joħolqux perikli partikolari għas-saħħa.
  • Oqgħod attent għal xi tikketti ta’ sigurtà.
  • Il-prodotti ta’ oriġini veġetali jistgħu jkunu infestati b’xi sustanzi li jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem.
  • Ilbes ingwanti protettivi u żarbun tas-sigurtà.
  • Ilbes ġagaga li tintrema wara l-użu u elmu tas-sigurtà jew tagħmir ta’ protezzjoni għal widnejk (meta jkunu meħtieġa).
  • Ma tistax tiekol, tixrob jew tpejjep waqt it-teħid tal-kampjuni.
  • Għandek tilbes ħwejjeġ nodfa sabiex tnaqqas ir-riskju li tikkontamina aċċidentalment il-kampjun. Dejjem ħu miżuri ta’ iġjene biex tevita l-kontaminazzjoni. Għandek taħsel idejk qabel tieħu xi kampjun.
  • Għandek tkun konxju dwar u ssegwi kwalunkwe struzzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà fil-valutazzjoni tar-riskju lokali u/jew il-prattiki ta’ ħidma mingħajr periklu għall-post fejn ikun ser jittieħed il-kampjun.
  • Kwalunkwe xogħol li jesponi lill-ħaddiema għar-riskju li jaqgħu mill-għoli għal fuq art stabbli jitqies bħala ‘xogħol fl-għoli’. Għandu jingħata taħriġ u jiġi pprovdut it-tagħmir ta’ protezzjoni xieraq. Is-slielem, il-banketti, il-pjattaformi u l-poġġamani għandhom jinżammu f’kundizzjoni strutturali sigura u jiġu spezzjonati b’mod regolari minn persunal kompetenti. Jekk it-teħid tal-kampjuni jkun jeħtieġ li tidħol fi spazju fuq nett ta’ xi tank, għandhom ikunu preżenti mill-inqas żewġ persuni mgħammra b’tagħmir ta’ protezzjoni personali xieraq.
  • Ġeneralment, dawn il-prodotti jkunu materjal b’riskju baxx ħafna li jieħdu n-nar.

Il-pjan għat-teħid tal-kampjuni
It-tip ta’ kunsinna Id-deskrizzjoni
Kunsinni għall-approvazzjoni mid-dwana Il-kampjun aggregat jikkonsisti minn numru xieraq ta’ kampjuni inkrementali. Kampjun wieħed normalment jitqies li jirrappreżenta l-oġġetti koperti mill-istess dikjarazzjoni tad-dwana.
Kunsinni għall-PAK (rifużjonijiet ta’ esportazzjoni) jew il-kontroll tas-sisa Il-kampjun aggregat jikkonsisti f’numru xieraq ta’ kampjuni inkrementali. L-għadd minimu ta’ kampjuni inkrementali huwa deskritt hawn taħt. Jekk il-kunsinna tkun tikkonsisti f’oġġetti li jkunu ġejjin minn linja ta’ produzzjoni waħda (in-numru tal-lott ikun identiku) jistgħu jittieħdu inqas kampjuni.
Tankijiet weqfin fuq l-art, tankijiet mimdudin fuq l-art, tankijiet fuq bastimenti, vaguni jew karozzi f’forma likwida jew f’pejst Kampjun aggregat wieħed jew aktar: minn mill-inqas tliet punti konvenzjonali (min-naħa ta’ fuq, tan-nofs u t’isfel) f’kull lott jew f’intervalli stabbiliti waqt il-ħatt. Jekk il-prodott ikun fil-forma ta’ pejst kremuż jew pejst iebes, ħu mill-inqas ħames kampjuni inkrementali (wieħed fin-nofs u erbgħa fin-nofs ta’ bejn iċ-ċentru u l-quċċati) f’kull lott. Iċċekkja l-omoġeneità tal-lott; jekk għandek xi dubju dwar l-omoġeneità tiegħu, ħu aktar kampjuni inkrementali. Aktar kampjuni aggregati jistgħu jinħolqu minn kontenituri li jkun fihom prodotti jew lottijiet differenti.
Pakketti, btieti, ċilindri, kaxxi, bottijiet, boroż u fliexken żgħar Kampjun aggregat wieħed jew aktar: għandek tagħżel għadd adattat ta’ unitajiet kompletament b’mod każwali jew b’mod sistematiku mill-kunsinna. Jistgħu jinħolqu aktar kampjuni aggregati minn kontenituri li jkun fihom prodotti jew lottijiet differenti.
Massa li tkun qiegħda titmexxa b’konvejer jew fluss ta’ prodott ieħor waqt il-mili jew it-tbattil Kampjun aggregat wieħed: minn kampjuni inkrementali tul il-wisgħa kollha tal-fluss, b’intervalli ddeterminati skont il-veloċità li biha jkun għaddej il-prodott.
Oġġetti tal-ikel likwidi b’viskożità għolja ffriżati fi btieti u f’boroż Kampjun aggregat wieħed jew aktar: minn mill-inqas tliet punti differenti (minn fuq, min-nofs u mill-qiegħ jekk ikun possibbli) f’kull lott tal-kunsinna. Iċċekkja l-omoġeneità tal-lott; jekk għandek xi dubju dwar l-omoġeneità tiegħu, ħu diversi kampjuni inkrementali. Jistgħu jinħolqu aktar kampjuni aggregati minn kontenituri li jkun fihom prodotti jew lottijiet differenti.

L-informazzjoni ddettaljata
Il-proċedura għat-teħid tal-kampjuni
  • Meta l-prodott ikun ittrasportat mhux f’pakketti u f’massa, tit-tagħbija għandha titqies bħala ħaġa sħiħa u l-kampjuni għandhom jittieħdu minn kull parti tat-tagħbija.
  • Il-kampjuni jittieħdu wara t-tagħbija jew qabel it-tbattil. Jista’ jintuża kampjun minn kull livell, kampjun ġieri, kampjun minn fuq, min-nofs u minn isfel, jew kampjun minn post partikolari f’livelli miftiehma għat-teħid ta’ kampjuni.
  • Issaħħanx il-kampjuni.
  • Il-kampjun rappreżentattiv: il-kampjun għandu jirrappreżenta l-kunsinna kollha. Għandhom jittieħdu kampjuni inkrementali tul il-lott kollu jew tul il-proċess kollu ta’ tbattil. Il-kampjuni inkrementali għandhom jitħalltu tajjeb sabiex joħolqu l-kampjun aggregat. Kun żgur li l-prodott li tiegħu tkun qed tieħu kampjun ma jinbidilx bil-proċess tat-teħid tal-kampjuni.
  • It-teħid ta’ kampjuni: jistgħu jintużaw metodi differenti skont kif il-likwidi b’viskożità għolja jiġu ttrasportati jew imbattla wara t-trasport.
    • Għal prodotti f’massa fi stat semisolidu f’temperaturi ambjentali, jekk il-prodott ikun f’għamla ta’ pejst kremuż, uża taqqab jew tazza għat-teħid tal-kampjuni sabiex tieħu diversi biċċiet għall-ittestjar minn diversi pożizzjonijiet u fondijiet fil-massa, sabiex tkun ċert li l-kampjun ikun kemm jista’ jkun rappreżentattiv. Wara li tieħu l-kampjuni mill-massa, ħejji l-kampjun kompost fil-barmil tal-metall billi tħawwad tajjeb bl-ispatula tal-metall u ppakkja l-kampjuni f’laned jew tankijiet tal-metall.
    • Jekk il-prodott ikun f’għamla ta’ pejst iebes, uża taqqab biex tieħu diversi kampjuni f’diversi pożizzjonijiet u fondijiet fil-massa, sabiex tkun ċert li l-kampjun ikun kemm jista’ jkun rappreżentattiv. Wara li tieħu l-kampjuni mill-massa, ħejji l-kampjun kompost f’barmil adattat billi tkisser u tħawwad il-qlub tal-prodott bl-ispatula tal-metall u ppakkja l-kampjuni f’kontenituri xierqa.
    • Għall-prodotti li jkunu qegħdin jiġu mċaqalqa b’konvejer jew flussi ta’ prodotti waqt il-mili jew it-tbattil ta’ xi tank, bawżer jew ġibjun ta’ vagun huwa possibbli li tieħu kampjun billi tqabbad pajp tal-mili/tat-tbattil. Għandek tieħu diversi kampjuni f’intervalli regolari tul il-proċess kollu ta’ trasferiment. Wara li tieħu l-kampjuni, ipprepara malajr il-kampjun kompost f’barmil tal-metall adattat billi tħawwad tajjeb u ppakkja l-kampjuni f’kontenituri xierqa.
    • Għal oġġetti tal-ikel likwidi ffriżati ġol-btieti u ġol-boroż uża apparat tal-istainless steel jew li jiflaħ għall-korrużjoni eż. apparat għat-teħid ta’ kampjuni ta’ ikel iffriżat (E01-01).
Il-formola għat-teħid tal-kampjuni
  • Imla l-formola għat-teħid tal-kampjuni. Kopja għandha tkun mehmuża mal-kampjuni u oħra għandha tinżamm fir-reġistri.
It-trasport
  • Il-kampjuni għandhom jinżammu f’post xott u mperreċ. Għandek tipproteġihom mid-dawl u mill-irwejjaħ sabiex tevita l-kontaminazzjoni, formazzjonijiet mikrobijoloġiċi jew sitwazzjonijiet oħrajn li jagħmlu ħsara lill-kampjun.
  • Jekk ikun meħtieġ żommhom imkessħin. Il-katina ta’ tkessiħ għandha tinżamm u għandha tkun irreġistrata.
  • Oġġetti ffriżati bħal konċentrati ta’ ħxejjex u frott jintbagħtu l-laboratorju f’pakketti insulati. Il-kampjuni ta’ meraq tal-frott u tal-ħxejjex għandhom jinżammu ffriżati sakemm isir l-eżami fil-laboratorju. Il-katina ta’ tkessiħ għandha tinżamm u għandha tkun irreġistrata.
Il-ħażna
  • Il-kampjuni għandhom jinżammu f’post xott u mperreċ. Għandek tipproteġihom mid-dawl u mill-irwejjaħ sabiex tevita l-kontaminazzjoni, formazzjonijiet mikrobijoloġiċi jew sitwazzjonijiet oħrajn li jagħmlu ħsara lill-kampjun.
  • Jekk ikun meħtieġ żommhom imkessħin. Il-katina ta’ tkessiħ għandha tinżamm u għandha tkun irreġistrata.
  • Il-prodotti ffriżati għandhom jinħażnu fi friża. Il-katina ta’ tkessiħ għandha tinżamm u għandha tiġi rreġistrata.
  • Il-kampjuni li jkunu sejrin jiġu ttestjati għall-kontenut ta’ umdità jew meta l-kontenut ta’ umdità jista’ jaffettwa l-analiżi għandhom ikunu ppakkjati f’kontenituri mitbuqa sew li ma jħallux arja tgħaddi minnhom. Il-kontenitur għandu jkun kważi mimli sa fuq, u mbagħad issiġillat sabiex tevita kwalunkwe bidla fil-kontenut ta’ umdità.

L-oġġetti tal-ikel, likwidi, viskożità għolja (espandi l-lista )
In-Numru tal-HS Id-Deskrizzjoni


Ir-Reviżjonijiet
Il-Verżjoni Id-Data Il-Bidliet
1.0 12.10.2012 L-ewwel verżjoni
1.0.1 30.03.2019 Update - Recommended minimum quantity for each sample is changed