contenteditable="true">

1. It-tagħrif ġenerali

L-ilbies u t-tagħmir ta’ sigurtà jiġi f’diversi forom, minn sempliċi sett ta’ tappijiet tal-widnejn għal apparat ikkumplikat tan-nifs u tagħmir ta’ monitoraġġ tal-gass. Ma jinkludix:
  1. uniformijiet;
  2. ħwejjeġ għall-maltemp;
  3. tagħmir sportiv;
  4. allarmi għal attakki fuq il-persuna;
  5. tagħmir kontra n-nar; u
  6. protezzjoni tas-sigurtà fuq il-makkinarju.


2. Ir-Responsabbiltajiet tal-amministrazzjoni tiegħek

L-amministrazzjoni tiegħek hija obbligata li tipprovdilek ilbies u tagħmir ta’ sigurtà adattat u li tagħtik taħriġ dwar kif tużah b’mod sigur. Min-naħa tiegħek, inti għandek tużah kif xieraq u skont it-taħriġ tiegħek. Il-parti l-kbira ta’ din ir-responsabbiltà tiġi ddelegata lill-maniġers jew lill-ispeċjalisti tas-saħħa u s-sigurtà li għandhom:
  1. iwettqu valutazzjoni tar-riskji kollha għas-saħħa u s-sigurtà tiegħek li jistgħu jinqalgħu waqt ix-xogħol tiegħek. Dan għandu jindika kwalunkwe lbies u tagħmir ta’ sigurtà li jeħtieġ li jkun ipprovdut;
  2. iwettqu valutazzjoni tar-riskju speċifika sabiex jivvalutaw l-adattabbiltà u l-effikaċja tal-ilbies u t-tagħmir ta’ sigurtà u jidentifikaw kwalunkwe informazzjoni, struzzjoni u taħriġ meħtieġ mill-utenti;
  3. jirranġaw għall-akkwist ta’ dak l-ilbies u t-tagħmir ta’ sigurtà;
  4. jistabbilixxu verifiki sabiex jiżguraw li l-oġġetti:
    1. huma adattati għall-kompitu inkwistjoni;
    2. jinżammu fi stat effiċjenti;
    3. jaħdmu sew;
    4. huma fi stat tajjeb;
    5. huma f’kundizzjoni nadifa u iġjenika; u
    6. jiġu sostitwiti meta jkun meħtieġ;
  5. iżommu reġistru għat-tagħmir kollu;
  6. jipprovdu akkomodazzjoni/ħażna xierqa meta t-tagħmir ma jkunx qed jintuża;
  7. jassiguraw li t-tagħmir jaħdem u jintuża; u
  8. jinformaw u jagħtu struzzjonijiet lill-persunal tagħhom dwar:
    1. ir-riskji li t-tagħmir huwa mfassal li jevita jew inaqqas;
    2. l-iskop tat-tagħmir u kif għandu jintuża b’mod sigur u tajjeb; u
    3. kif jinżamm fi stat effiċjenti/iġjeniku.


3. Ir-Responsabbiltà Tiegħek

Inti għandek tagħmel użu sħiħ u tajjeb mill-ilbies u t-tagħmir ta’ sigurtà pprovdut lilek. M’għandekx tuża l-ħwejjeġ u t-tagħmir tiegħek stess meta jkun meħtieġ li jintuża lbies u tagħmir ta’ sigurtà.

Inti għandek ukoll:
  1. tieħu l-passi kollha responsabbli sabiex tassigura li t-tagħmir jinħażen tajjeb meta ma jkunx qed jintuża;
  2. tirrapporta kwalunkwe difett fl-ilbies jew fit-tagħmir ta’ sigurtà jew it-telf tagħhom lill-maniġer tiegħek; u
  3. tassigura li ġejt imħarreġ sew u li tifhem kif tuża sew l-ilbies u t-tagħmir ta’ sigurtà.
Tinsiex: huwa reat kriminali li xjentement tbagħbas jew tuża ħażin kwalunkwe tip ta’ lbies jew tagħmir ta’ sigurtà.



4. Xi ngħidu dwar l-uffiċjali mobbli?

Jekk ikollok iżżur il-bini ta’ negozjant, eż. għal kontrolli fuq l-alkoħol, il-fjuwil jew skopijiet ta’ assigurazzjoni oħra, jista’ jkollok tilbes ħwejjeġ ta’ sigurtà f’ċerti żoni. Dawn għandhom ikunu indikati b’xi wieħed mis-sinjali murija hawnhekk.

In-negozjant jista’ jipprovdilek l-ilbies meħtieġ. Qabel tilbsu, iċċekkja li:
  1. ma fihx difetti ovvji;
  2. ikun immarkat b’tikketta ta’ standard nazzjonali jew ta’ norma Ewropea fejn possibbli; u
  3. l-elmi tas-sigurtà ma jkunux ‘skaduti’.
Jekk l-ilbies ma jkunx jissodisfa kwalunkwe wieħed minn dawn it-tliet kriterji, staqsi lin-negozjant sabiex jipprovdilek alternattiva. Jekk in-negozjant ma jkunx irid, jew jekk l-alternattiva wkoll ma tkunx adattata, għandek tagħmel arranġamenti sabiex tikseb it-tagħmir adegwat mingħand l-amministrazzjoni tiegħek. M’għandekx tkompli ż-żjara tiegħek sakemm dan ma jkunx sar.

Jekk in-negozjant jipprova jimponi rekwiżit li ovvjament ma jkunx xieraq għar-riskji involuti, jew li ma jħallikx tkompli x-xogħol tiegħek, inti jista’ jkollok bażi raġonevoli sabiex tirrifjuta li taċċetta. Jekk jiġri hekk, għandek issegwi l-gwida mogħtija hawn taħt.

L-ewwel pass
Jekk negozjant jipprova jġiegħlek tilbes ilbies u tagħmir ta’ sigurtà li ma taħsibx li huwa adattat għar-riskji involuti, jew li ma jħallikx twettaq il-kompiti tiegħek, inti għandek tgħid b’dan lin-negozjant u tara li jibdilulek.

It-tieni pass
Jekk dan ma jirnexxix, għandek tirrapporta l-fatt, permezz tal-maniġer tiegħek li huwa responsabbli għax-xogħol tiegħek. Ir-rapport għandu jinkludi:
  • l-isem tan-negozjant u n-numru tal-EORI (l-identifikazzjoni tar-reġistrazzjoni tal-operatur ekonomiku) tiegħu;
  • l-attività ta’ negozju tan-negozjant, l-attività tad-dħul u l-klassifikazzjoni kummerċjali;
  • id-dettalji taż-żona tal-bini kkonċernat;
  • id-dettalji dwar l-ilbies li n-negozjant iridek tilbes, u r-raġunijiet għal dan;
  • jekk dan ir-rekwiżit japplikax ukoll għall-persunal tan-negozjant innifsu u għal persuni oħrajn;
  • kemm ilu jeżisti dan ir-rekwiżit, u x’arranġamenti huma stabbiliti;
  • għalfejn tqis li r-rekwiżit mhuwiex raġonevoli;
  • kemm spiss isiru żjajjar minn uffiċjali f’dan il-bini u l-għadd ta’ uffiċjali oħrajn li aktarx ikunu affettwati; u
  • xi kummenti rilevanti mill-maniġers tiegħek, l-uffiċjal tas-sigurtà jew il-konsulent għas-saħħa u s-sigurtà.
It-tielet pass
Sadanittant, jekk il-maniġer tiegħek iqis li żjara għand dan in-negozjant xorta waħda hija essenzjali, għandek tiżgura li n-negozjant ikun jaf li r-rekwiżit ġie rrapportat jew qed jiġi kkunsidrat. M’għandekx għalfejn tikkonforma mar-rekwiżit tan-negozjant, sakemm ma tkunx qed tqiegħed lilek innifsek jew lil persuni oħrajn f’riskju irraġonevoli. (Jekk ikun meħtieġ, għandek tikseb ilbies ta’ sigurtà xieraq mingħand l-amministrazzjoni tiegħek.)



5. Xi ngħidu dwar l-operazzjonijiet konġunti?

Jekk isiru operazzjonijiet konġunti ma’ persunal li ma jkunx familjari mal-ambjent jew mal-proċeduri ta’ sigurtà (eż. persunal minn amministrazzjoni, dipartiment jew post ieħor), il-maniġer inkarigat mill-operazzjoni għandu jikkunsidra l-ilbies tas-sigurtà meħtieġ mill-persunal mistieden, filwaqt li jżomm f’moħħu b’mod partikolari li jista’ jkun li ma jkunux jeħtieġu lbies ta’ sigurtà fix-xogħol normali tagħhom u għaldaqstant ma jkollhomx it-tagħmir rilevanti u lanqas ikunu jafu kif jużawh.



6. Kif għandna nagħżlu l-ilbies u t-tagħmir ta’ sigurtà?

Dan huwa essenzjalment proċess fi tliet stadji:
  1. identifika r-riskji assoċjati max-xogħol;
  2. tivvaluta dawk ir-riskji — x’jista’ jmur ħażin, x’inhi l-probabbiltà u kemm huma serji l-konsegwenzi?; u
  3. tieħu miżuri sabiex tnaqqas dawk ir-riskji kemm jista’ jkun.
Nota: Jekk taħseb li jista’ jkun meħtieġ ilbies jew tagħmir ta’ sigurtà fil-bini li tkun qed iżżur, iddiskuti dan ma’ sid in-negozju qabel iż-żjara tiegħek jekk hu possibbli.

Il-mistoqsijiet ewlenin li għandek tikkunsidra bħala maniġer huma:
  1. Il-kompitu huwa assolutament meħtieġ?
  2. Ir-riskji jistgħu jitnaqqsu jew jiġu evitati b’xi modi oħra? u
  3. Hemm rekwiżit legali sabiex tilbes ilbies jew tagħmir ta’ sigurtà?
Ladarba tkun lestejt il-valutazzjoni tar-riskju tal-post tax-xogħol tiegħek u tiddeċiedi liema lbies u tagħmir ikun meħtieġ, tkun trid twettaq valutazzjoni speċifika oħra tal-effikaċja tal-ilbies u t-tagħmir innifsu.



7. Xi tkopri l-valutazzjoni tar-riskju tal-ilbies tas-sigurtà?

Ir-regolamenti dwar it-tagħmir personali protettiv jeżiġu valutazzjoni speċifika tar-riskju għall-ilbies u t-tagħmir ta’ sigurtà. Dan jgħinek tidentifika:
  1. ir-riskji li għalihom teħtieġ li tipprovdi lbies u tagħmir ta’ sigurtà;
  2. kemm jonqos ir-riskju meta tipprovdi l-ilbies u t-tagħmir ta’ sigurtà;
  3. l-informazzjoni u t-taħriġ dwar l-ilbies u t-tagħmir ta’ sigurtà li jeħtieġ il-persunal; u
  4. proċeduri tajbin ta’ manutenzjoni.
Għandha ssir biss valutazzjoni waħda għal kull post tax-xogħol, iżda għandek tidentifika liema lbies jew tagħmir ta’ sigurtà ngħata lil kull persuna.

Kemm tista’ tipprovdi informazzjoni u taħriġ dwar l-ilbies u t-tagħmir tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tiegħek jiddependi fuq il-kumplessità tat-tagħmir użat. Jekk tħoss li ma tistax tipprovdi informazzjoni adegwata dwar l-użu u l-manutenzjoni tat-tagħmir inti għandek tikkuntattja lill-fornitur li jkun jista’ jgħinek.

Tinsiex: kwalunkwe lbies u tagħmir tas-sigurtà użat għandu jikkonforma mal-istandards nazzjonali u Ewropej rilevanti.



8. Kif tieħu ħsieb l-ilbies u t-tagħmir ta’ sigurtà

Huwa rekwiżit legali li tipprovdi akkomodazzjoni għal kull ilbies u tagħmir ta’ sigurtà. Din għandha tkun adegwata sabiex tipprevjeni l-ħsara mill-umdità, mid-dawl tax-xemx jew minn sustanzi dannużi.

Il-proċeduri ta’ kura u ta’ manutenzjoni għal oġġetti partikolari ta’ lbies u tagħmir ta’ sigurtà għandhom ikunu stabbiliti lokalment. Għandek tikseb u ssegwi l-istruzzjonijiet tal-manifattur.



9. X’reġistri jeħtieġu li jinżammu?

Għandek iżżomm kopja tal-valutazzjoni tar-riskju tal-ilbies tas-sigurtà tiegħek u żżommha aġġornata. Għandek iżżomm ukoll reġistru bil-miktub tal-ilbies u t-tagħmir ta’ sigurtà kollu, inklużi:
  1. id-dettalji tal-kontrolli ta’ manutenzjoni;
  2. it-talbiet għal, u d-dettalji ta’, sostituzzjonijiet;
  3. id-dettalji dwar fejn ikun maħżun l-oġġett meta ma jkunx qed jintuża; u
  4. reġistru ta’ meta, u lil min, jinħareġ.
Dawn ir-reġistri għandhom jinżammu aġġornati u jkunu magħmula disponibbli.



10. Ilbies u tagħmir ta’ sigurtà mitluf jew bil-ħsara

Jekk xi oġġett ta’ lbies jew tagħmir ta’ sigurtà jintilef jew tiġrilu xi ħsara, inti għandek tirrapporta dan lill-maniġer tiegħek. Jekk l-oġġetti jitqiesu meħtieġa għat-twettiq bla periklu tad-dmirijiet tal-uffiċjal, ara li ssib sostituzzjoni minnufih.



11. Trid taħseb għall-persunal ġdid u għall-viżitaturi?

Iva. Għandek tittratta lill-persunal il-ġdid bl-istess mod kif tittratta lil kulħadd f’dak li jirrigwarda l-ilbies u t-tagħmir ta’ sigurtà. Peress li probabbilment dawn ma jkunux familjari mal-post tax-xogħol u mal-kompiti nfushom, huma jkunu f’riskju saħansitra akbar u għandhom ikunu protetti kif xieraq. Huwa essenzjali li jkunu mħarrġa b’mod adegwat dwar kif jużaw it-tagħmir.

Għandek ukoll ċerti responsabbiltajiet lejn il-viżitaturi. Jekk viżitatur ikollu bżonn jakkumpanja uffiċjal f’żoni fejn ikun meħtieġ l-ilbies jew it-tagħmir ta’ sigurtà, inti għandek tkun żgur li jkunu mgħammra bl-istess mod u li jkunu jafu għal xiex jintuża l-ilbies jew it-tagħmir u kif jilbsuh u jużawh kif suppost.

Ir-responsabbiltà tal-provvista ta’ lbies u tagħmir ta’ sigurtà hija ta’ dawk li jħaddmu (jew tiegħek stess jekk inti taħdem għal rasek).

Għaldaqstant il-kuntratturi għandhom jipprovdu l-ilbies u t-tagħmir ta’ sigurtà tagħhom stess. Madankollu, għandek tassigura li l-kuntratturi jkollhom ilbies ta’ sigurtà adattat disponibbli għal kwalunkwe riskju li jistgħu jiltaqgħu miegħu, b’mod partikolari jekk ir-riskji ma jkunux viżibbli għal xi ħadd li ma jkunx jaf il-post tax-xogħol sew. Jista’ jkollok tipprovdi lill-kuntrattur ilbies jew tagħmir ta’ sigurtà adattat fejn ikun meħtieġ.



Il-gwida li tinsab f’din it-taqsima hija maħsuba sabiex infakkru b’mod ġenerali r-riskji li xi drabi wieħed jiltaqa’ magħhom waqt il-proċedura ta’ eżaminazzjoni u teħid ta’ kampjuni u t-tagħmir ta’ sigurtà li għandek tuża u l-prekawzjonijiet li għandek tieħu.
Għal aktar tagħrif għandek tirreferi għal-leġiżlazzjoni u l-gwida tal-amministrazzjoni nazzjonali tiegħek.


Ir-Reviżjonijiet
Il-Verżjoni Id-Data Il-Bidliet
1.0 12.10.2012 L-ewwel verżjoni
1.1 30.03.2019 Update, text corrections