contenteditable="true">

1. X’inhuma s-sustanzi perikolużi?

Is-‘sustanzi perikolużi’ huma ġeneralment kimiċi jew metalli li, minħabba l-proprjetajiet fiżiċi tagħhom, huma perikolużi minnufih u jistgħu jwasslu għal korriment serju jew mewt minn diversi kawżi. Xi wħud jistgħu jikkawżaw korriment mas-sempliċi kuntatt, filwaqt li oħrajn jikkawżaw ħsara permezz tar-reazzjoni kimika ma’ sustanzi oħrajn.



2. X’tipi hemm?

Is-sustanzi perikolużi jistgħu jinġabru f’erba’ kategoriji ewlenin:
Ċerti sustanzi jistgħu jkunu kklassifikati taħt aktar minn waħda minn dawn l-intestaturi u għaldaqstant joħolqu riskji saħansitra akbar.



3. Fejn nista’ niltaqa’ magħhom?

Dawk li l-aktar jistgħu jiltaqgħu ma’ sustanzi perikolużi huma l-ħaddiema tal-merkanzija li jaħdmu fil-portijiet, imħażen interni ta’ approvazzjoni, ajruporti u ċerti installazzjonijiet taż-żejt.



4. Xi ngħidu dwar il-fumiganti?

Il-fumiganti huma s-sustanzi perikolużi li aktarx li l-aktar tiltaqa’ magħhom. Dawn jintużaw sabiex jinqerdu l-annimali gerriema u l-insett parassiti mill-kontejners. Il-fumiganti spiss jintużaw qabel il-kontejners jintbagħtu fl-UE. Jekk il-kontejners ma jkunux ivventilati tajjeb meta jaslu, id-dħaħen jistgħu jikkawżaw perikli lill-uffiċjali li jaħdmu fihom. Hemm tliet tipi komuni ta’ fumigant, li kull wieħed joħloq il-perikli partikolari tiegħu:

Methyl bromide (bromomethane): Kimika tossika ħafna li tintuża b’mod wiesa’ bħala fumigant, b’mod partikolari f’kontejners għall-ħamrija jew għall-injam. Għalkemm il-methyl bromide huwa tossiku ħafna, is-sintomi tal-avvenelament jistgħu jieħdu bosta sigħat sabiex jiżviluppaw. Dawn jinkludu:
  • ħruq fuq il-ġilda minn kuntatt prolungat mal-forma likwida tal-kimika;
  • akkumulazzjoni enormi ta’ fluwidu fil-pulmuni mill-inalazzjoni tal-fwar;
  • ħsara fil-moħħ u fis-sistema nervuża u, possibbilment, fil-kliewi.
Anki espożizzjoni għal żmien qasir għad-dħaħen tal-methyl bromide jistgħu jikkawżaw skonfort, inklużi uġigħ ta’ ras, uġigħ fl-għajnejn, uġigħ fl-istonku u tnemnin fis-saqajn. Dawn l-effetti jistgħu jdumu għal bosta ġranet, iżda s-severità tagħhom tiddependi fuq il-konċentrazzjoni u t-tul tal-espożizzjoni. L-espożizzjoni fit-tul għall-methyl bromide tista’ saħansitra twassal għall-mewt.

Fosfid tal-aluminju (fosfin): Il-pritkuni tal-fosfid tal-aluminju jintużaw għall-fumigazzjoni tal-kontejners tal-oġġetti tal-ikel, tat-tabakk u ta’ oġġetti oħrajn li jitħassru malajr waqt li jkunu qegħdin fi tranżitu. Il-pritkuni jiddeterjoraw waqt il-vjaġġ, waqt li jirrilaxxaw gass fosfin li jeqred il-parassiti u mbagħad jispiċċa fix-xejn fi żmien ħmistax jew tliet ġimgħat. Il-periklu jinħoloq meta:
  • ma jkunux għaddew ħmistax jew tliet ġimgħat mill-fumigazzjoni; jew
  • il-pritkuni jkunu tqiegħdu f’żona maqtugħa għaliha fejn ma jkunux jistgħu jiddekomponu b’mod effiċjenti; jew
  • ir-reġistri ta’ fumigazzjoni jkunu nieqsa jew mhux disponibbli.
Kontejners li ma jkunux iffumigati tajjeb xi drabi jkunu importati mill-Afrika, mill-Amerika t’Isfel u mil-Lvant Nofsani u Mbiegħed. Il-gass fosfin huwa bla kulur, iżda għandu riħa tinten qisha ta’ ħut imnawwar. Jekk jiġi inalat, jista’ jinfjamma l-passaġġi respiratorji u jaffettwa s-sistema nervuża ċentrali. Is-sintomi jinkludu rogħda, dardir, rimettar, uġigħ ta’ ras u uġigħ fl-istonku. Każijiet serji jistgħu saħansitra jwasslu għal koma jew mewt.

Ċjanur tal-idroġenu: Dan il-fumigant ma jintużax daqs il-methyl bromide u l-fosfid tal-aluminju, iżda huwa partikolarment perikoluż. Ir-riħa tiegħu hija simili għal dik tal-lewż. Anki f’konċentrazzjonijiet baxxi jista’ jikkawża sturdament, dardir, uġigħ ta’ ras u uġigħ fl-istonku, u jwassal għat-telf mis-sensi u l-paraliżi. L-inalazzjoni ta’ konċentrazzjonijiet għoljin malajr jistgħu jwasslu għall-mewt.



5. Xi ngħidu dwar il-kimiċi?

Minbarra l-fumiganti, jistgħu jkunu preżenti kimiċi oħrajn fi kwantitajiet perikolużi f’kontejners li jkunu ġew issiġillati anki għal perjodu qasir. Dawn jistgħu jkunu kkawżati minn tnixxijiet tal-merkanzija (manifestat jew mhux manifestat) jew minn reazzjoni kimika bejn l-oġġetti.

L-Anness għad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/15/KE tas-7 ta’ Frar 2006 jagħti dettalji dwar il-valuri ta’ limitu indikattivi ta’ espożizzjoni waqt ix-xogħol għal lista ta’ kimiċi komuni flimkien mal-EINECS tagħhom (l-Inventarju Ewropew tas-Sustanzi Kimiċi Kummerċjali Eżistenti) u n-numri tas-CAS (Servizz tal-Astratti Kimiċi) tagħhom sabiex jgħinu fl-identifikazzjoni.

Jekk tiskopri xi kimika minn dawn jew l-MSDS tindika, jew inti tissuspetta, li xi kimika minn dawn hija preżenti, għandek tfittex parir ulterjuri u m’għandekx tidħol fil-kontejner sakemm ma tirċevix konferma li tista’ tagħmel dan mingħajr periklu. Tinsiex li, minbarra l-fwar, ċerti kimiċi jistgħu wkoll ikunu faċilment assorbiti minn ġol-ġilda.

Ir-Regolament 24/1998 japplika. Barra minn hekk il-Kummissjoni tippubblika regolarment listi aġġornati tal-valuri tal-limiti permezz ta’ Direttivi oħrajn. Id-direttiva attwalment fis-seħħ hija d-Direttiva 2007/30/KE.

Il-valuri tal-limiti jiġu riveduti minħabba r-riċerka u l-esperjenza ulterjuri, inti għandek tiċċekkja kemm id-direttivi tal-Kummissjoni kif ukoll il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħek għall-valuri ta’ limitu ta’ espożizzjoni attwali.



6. X’jista’ jsir sabiex jitnaqqsu r-riskji?

L-operazzjonijiet ta’ fumigazzjoni jkunu kkontrollati b’mod strett ħafna. Ċerti tipi ta’ fumiganti huma pprojbiti u għandhom jittieħdu miżuri protettivi sabiex jitnaqqsu r-riskji ta’ ħsara għas-saħħa. Għandek toqgħod ’il bogħod sew mill-kontejners meta jkunu qegħdin isiru operazzjonijiet ta’ fumigazzjoni. Il-parti l-kbira tal-importaturi jħallu l-kontejners miftuħa għal madwar siegħa meta dawn jaslu sabiex iħallu d-dħaħen joħorġu. M’għandekx tipprova tiftaħ jew tidħol f’xi kontejner sakemm l-importatur (jew l-aġent tiegħu) jgħidlek li huwa sigur li tagħmel dan. Il-maniġers ta’ persunal involut f’operazzjonijiet sigrieti għandhom jivvalutaw ir-riskji u jieħdu kwalunkwe prekawzjoni ta’ sigurtà meħtieġa. Kull xogħol għandu jsir b’mod sigur fi kwalunkwe ħin.



7. X’għandi nagħmel jekk inħossni ma niflaħx?

Jekk ma tħossokx f’sikktek waqt li tkun qed taħdem f’kontejner jew teżamina xi sustanza, ieqaf aħdem minnufih u ħalli ż-żona. Għandek tfittex ukoll l-għajnuna medika — anki jekk tħoss li rkuprajt — u tirrapporta l-inċident.



8. Xi ngħidu dwar sustanzi perikolużi oħrajn?

Ċerti tipi ta’ sustanzi perikolużi jeħtieġu arranġamenti speċjali ta’ ħażna. Pereżempju, il-materjali sensittivi għall-ilma għandhom jinżammu f’kontejners li ma jgħaddix ilma minnhom u xi kultant jinħażnu fi żjut jekk ikunu partikolarment sensittivi (eż. is-sodju). Dawn għandhom jinżammu ’l bogħod minn kmamar b’sistemi awtomatiċi ta’ bexxiexa.

Is-sustanzi ossidanti għandhom jinżammu ’l bogħod mil-likwidi b’punt ta’ infjammabbiltà baxx, bħaż-żjut. Kemm is-sustanzi ossidanti kif ukoll il-likwidi b’punt ta’ infjammabbiltà baxx għandhom jinżammu ’l bogħod minn sorsi ta’ sħana. Peress li s-sustanzi ossidanti jfornu l-ossiġnu tagħhom stess, it-tagħmir konvenzjonali ta’ kontra n-nar li jaħdem billi jifga n-nar jista’ ma jkunx effettiv.

Jekk ikollok taħdem qrib xi sustanza perikoluża, għandek tilbes ilbies ta’ sigurtà adattat. Qatt m’għandek tmiss, ixxomm jew idduq kwalunkwe ħaġa li tissuspetta li hija perikoluża.

Tinsiex: l-aktar mod effettiv kif tista’ tnaqqas ir-riskji huwa billi tevita għalkollox is-sustanzi perikolużi.



Il-gwida li tinsab f’din it-taqsima hija maħsuba sabiex infakkru b’mod ġenerali r-riskji li xi drabi wieħed jiltaqa’ magħhom waqt il-proċedura ta’ eżaminazzjoni u teħid ta’ kampjuni u t-tagħmir ta’ sigurtà li għandek tuża u l-prekawzjonijiet li għandek tieħu.
Għal aktar tagħrif għandek tirreferi għal-leġiżlazzjoni u l-gwida tal-amministrazzjoni nazzjonali tiegħek.


Ir-Reviżjonijiet
Il-Verżjoni Id-Data Il-Bidliet
1.0 12.10.2012 L-ewwel verżjoni