Gassijiet likwifikati miż-żejt
Id-definizzjoni

(lista ta’ kodiċijiet tas-SA koperti minn din l-iskeda)
Il-gassijiet likwifikati miż-żejt (LPG) huma kimiċi taż-żejt mhux raffinat f’forma gassuża li jistgħu jinħażnu u/jew jiġu ttrattati fil-fażi likwida taħt kundizzjonijiet ta’ pressjoni moderati u f’temperatura ambjentali. Dawn il-gassijiet jikkonsistu fil-biċċa l-kbira minn propan, butani u buteni, bi proporzjonijiet żgħar ta’ etan, eten u/jew pentani u penteni u t-taħlitiet tagħhom.

Għal informazzjoni ġenerali dwar it-teħid ta’ kampjuni ta’ gassijiet, ara ’l-Kapitolu Ġenerali’.

Għat-teħid ta’ kampjuni ta’ prodotti taż-żejt mhux raffinat u fjuwils likwidi oħra, ara l-iskeda speċifika ‘għal-Likwidi taż-żejt mhux raffinat’.

Għall-prodotti f’pakketti għall-bejgħ bl-imnut, ara l-iskeda speċifika ‘għall-Pakketti għall-bejgħ bl-imnut u oġġetti lesti’.

Normalment it-teħid ta’ kampjuni ta’ prodotti gassużi u ta’ gassijiet likwifikati ma jsirx minn uffiċjali doganali. Kampjuni ta’ oġġetti ta’ dan it-tip jistgħu jittieħdu biss minn persuni familjari mal-prekawzjonijiet ta’ sigurtà meħtieġa u li jkollhom it-tagħmir xieraq, jew taħt is-superviżjoni tagħhom, pereżempju minn kuntrattur jew persuni oħra mħarrġa u liċenzjati biex jieħdu kampjuni ta’ dawn l-oġġetti. Jekk ikollok xi dubju, ikkonsulta lil-laboratorju tiegħek.


Gassijiet likwifikati miż-żejt
Kwantità minima rrakkomandata għal kull kampjun Il-kontenituri tipiċi ta’ kampjuni taħt pressjoni għandhom kapaċità ta’ 1 l.
80% tal-volum sħiħ tal-kontenitur tal-kampjuni taħt pressjoni jrid jimtela bil-kampjun.

Standards applikabbli (ISO u Normi tal-UE) u leġiżlazzjoni rilevanti
  • ISO 4257 Gassijiet likwifikati taż-żejt mhux raffinat – Il-metodu tat-teħid tal-kampjuni
  • ISO 10715 Gass naturali – Linji gwida għat-teħid ta’ kampjuni
Għandek tirreferi wkoll għal-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-linji gwida nazzjonali ta’ pajjiżek rigward it-teħid ta’ kampjuni.


It-tagħmir meħtieġ
L-għodda ssuġġerita għat-teħid ta’ kampjuni skont il-metodu li jintuża
  • Ċilindru tal-kampjun reżistenti għall-korrużjoni b’aċċessorji: fittings, konnetturi, valvi u tubi elastiċi rinfurzati (G01-01).
  • Valv tat-teħid ta’ kampjuni jew għodda għat-teħid ta’ kampjuni bypass immuntat maġenb il-pajp jew direttament fuqu (S02-01).
  • Ċilindru b’pistun li jżomm fil-wiċċ (S03-01).
L-azzar inossidabbli huwa materjal adattat; ma għandhomx jintużaw partijiet tal-aluminju.

L-iktar linja tal-kampjunar sodisfaċenti hija waħda mgħammra b’żewġ valvi oħra (valv ta’ kontroll u valv ta’ vventjar) minbarra l-valv fis-sors tal-prodott u l-valvi fuq il-kontenitur. Għandu jiġi installat valv għall-ħruġ ta’ pressjoni bejn il-valvi u l-pressjoni għandha tkun tista’ taħrab lejn post sikur.

Kontenituri li għandhom jintużaw għat-teħid ta’ kampjuni
  • Ċilindru tal-gass (M10)
Il-kontenituri tal-kampjuni għandhom ikunu mgħammra b’żewġ valvi li jkollhom tubu intern li joħloq spazju vojt ħalli l-kontenut tal-kontenitur ikun jista’ joħroġ bħala likwidu. Dan it-tarf tal-kontenitur għandu jkun immarkat b’mod ċar. Il-kontenituri tal-kampjuni mingħajr tubu intern li joħloq spazju vojt huma wkoll aċċettabbli; f’dan il-każ tinħtieġ sistema alternattiva ta’ tindif u vventjar.

Il-kontenituri tal-kampjuni għall-użu taħt pressjoni għandhom ikunu ttestjati bi pressjoni u l-pressjoni operazzjonali massima għandha tkun immarkata fuq il-kontenitur. L-operaturi tat-teħid ta’ kampjuni għandhom jiżguraw li l-klassifikazzjoni tal-pressjoni tal-kontenitur tkun tajba biex dan jintuża mal-prodott li minnu għandu jittieħed kampjun.

Prekawzjonijiet tas-sigurtà u valutazzjoni tar-riskju Jekk jogħġbok irreferi għal-leġiżlazzjoni u l-linji gwida nazzjonali ta’ pajjiżek dwar is-saħħa u s-sigurtà.

  • Iċċekkja ‘s-SDS jew l-ADR’, jekk dawn ikunu disponibbli.
  • Oqgħod attent għas-sinjali tas-sigurtà u tat-twissija.
  • Jekk ma jkun hemm l-ebda informazzjoni disponibbli jew l-informazzjoni (it-tikkettar, is-simboli tal-periklu u tas-sigurtà, id-dokumenti) tkun differenti minn dak li tistenna għandek tittratta l-oġġetti bħala perikolużi. Ikkonsulta lil-laboratorju tiegħek.
  • Għandek tkun taf kull struzzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà fil-valutazzjoni tar-riskju lokali u/jew il-prattiki tax-xogħol mingħajr periklu b'rabta mal-post fejn ikunu se jittieħdu l-kampjuni, u ssegwihom.
  • Ilbes tagħmir personali protettiv xieraq. Għandek tevita kull kuntatt ta’ LPG likwidu mal-ġilda. Għandek tilbes ingwanti u nuċċali protettivi u tevita li tibla’ l-fwar.
  • Il-ftuħ ta’ kontenituri taħt pressjoni jista’ joħloq sitwazzjonijiet perikolużi.
  • Il-fwar tal-idrokarburi li jaħrab waqt it-teħid ta’ kampjuni għandu jiġi kkontrollat biex tiġi żgurata l-konformità mar-regolamenti dwar is-sigurtà u l-ambjent. It-teħid ta’ kampjuni għandu jsir f’post b’ventilazzjoni tajba.
  • Il-manipulazzjoni tal-LPG tista’ toħloq elettriċità statika. It-tagħmir għandu jkun elettrikament ertjat jew ertjat mat-tank tal-LPG kemm qabel kif ukoll waqt l-operazzjonijiet tat-teħid ta’ kampjuni.
  • It-teħid ta’ kampjuni f’temperatura ambjentali estremament baxxa jew minn sorsi krijoġeniċi jista’ jirrikjedi prekawzjonijiet addizzjonali sabiex iċ-ċilindri tal-kampjun ma jimtlewx bil-likwidu malli l-kampjun jisħon għal temperatura ambjentali ogħla.
  • Għandhom jittieħdu prekawzjonijiet waqt l-użu, it-trasport u l-ħżin biex l-integrità tal-kontenitur tkun protetta minn kull ħsara, billi titqiegħed kappa ta’ protezzjoni fuq il-valvi ħalli dawn ma jiċċaqalqux aċċidentalment minn posthom jew sabiex ikunu protetti minn kull tbagħbis.
  • Kull tagħmir li jintuża għandu jkun intrinsikament sikur.
Prekawzjonijiet

Il-pjan għat-teħid ta’ kampjuni
Tip ta’ konsenjaProċedura
Konsenja għall-iżdoganar tal-merkanzija Kampjun inkrimentali wieħed normalment jitqies li jirrappreżenta l-oġġetti koperti mill-istess dikjarazzjoni doganali.

Prodotti f’massa – LPG f’kontenituri kbar Tinħtieġ attenzjoni kbira biex jinkiseb kampjun rappreżentattiv, speċjalment jekk il-materjal li minnu jrid jittieħed kampjun ikun taħlita ta’ gassijiet likwifikati. Għandhom jiġu meqjusa l-fatturi li ġejjin:
  • Ħu kampjuni tal-fażi likwida biss;
  • Evita t-teħid ta’ kampjuni mill-qiegħ tar-reċipjent;
  • Meta jkun magħruf li l-merkanzija li minnha qed jittieħed kampjun tikkonsisti f’LPG wieħed biss, jista’ jittieħed kampjun likwidu minn kwalunkwe parti tal-kontenitur;
  • Meta l-kontenut ta’ tank jista’ ma jkunx omoġenju, l-uniformità tista’ tinkiseb billi l-kontenut jiġi ċċirkolat qabel ma jittieħed il-kampjun. Huwa rakkomandat perjodu ta’ stennija ta’ 30 minuta wara din iċ-ċirkolazzjoni qabel ma jittieħed il-kampjun ħalli kull materjal milwiem jilħaq joqgħod u kull ċarġ statiku li seta’ nħalaq jilħaq jiddissipa. Meta l-materjal li minnu qed jittieħed kampjun ikun ġie mħallat jew iċċirkolat sakemm isir omoġenju, jista’ jittieħed kampjun likwidu minn kwalunkwe parti tar-reċipjent;
  • Jekk ma jkunx prattikabbli li t-taħlita tiġi omoġenizzata sabiex tiġi żgurata l-uniformità tagħha, ħu l-kampjuni likwidi skont proċedura li tkun ġiet maqbula mal-entitajiet involuti.
Ċilindri u kontenituri żgħar simili Għandek tassigura li l-oġġetti li tkun qed tiċċekkja jikkonsistu f’konsenja waħda. Jekk ikun hemm diversi konsenji, għandhom jittieħdu kampjuni minnhom kollha b’mod separat. Jittieħed kampjun minn kull kontenitur magħżul b’mod aleatorju jew sistematiku mill-konsenja kollha. Il-kontenituri u ċ-ċilindri żgħar jistgħu jintbagħtu lil-laboratorju mingħajr teħid ta’ kampjuni.

L-oġġetti li jiġu mċaqalqa Meta l-prodott ikun qed jiġi mċaqlaq bl-użu ta’ pajpijiet jew tagħmir ieħor, jista’ jkun hemm valvi ta’ diverżjoni jew għodod bypass għat-teħid ta’ kampjuni immuntati fuq il-pajp, li jippermettu t-teħid ta’ kampjuni f’intervalli regolari ddeterminati mill-veloċità taċ-ċaqliq u l-kwantità totali tal-konsenja. L-iktar ħaġa importanti hija li l-ponta tas-sonda tkun fit-terz ċentrali tal-pajp.

Il-kampjuni għandhom jittieħdu matul il-ħin kollu li l-lott ikun għaddej minn quddiem il-punt ta’ teħid ta’ kampjuni sabiex jiġi żgurat li l-kampjun aggregat ikun wieħed rappreżentattiv.

Meta jittieħdu kampjuni taħt kundizzjonijiet ta’ fluss, il-pressjoni fil-linja għandha tkun ogħla mill-pressjoni tal-fwar biex jiġu evitati kundizzjonijiet ta’ żewġ fażijiet.

Għodda komposta għat-teħid ta’ kampjuni tieħu kampjun żgħir mill-pajp u tinjettah f’ċilindru tal-kampjun. Jekk din l-għodda tkun imqabbda ma’ flussimetru, il-kampjuni jkunu jistgħu jittieħdu b’mod proporzjonali għall-fluss. Iċ-ċilindri tal-kampjun aggregati kollha għandhom mezzi ta’ taħlit interni.


L-immaniġġjar tal-kampjuni
Kummenti ġenerali Kampjun likwidu jiġi trasferit mis-sors f’kontenitur tal-kampjuni billi jitnaddaf il-kontenitur u jimtela b’kampjun likwidu u billi mbagħad jinħoloq spazju vojt ta’ 20 % sabiex jibqa’ madwar 80 % tal-kampjun. It-teħid ta’ kampjuni isir kif ġej:
  • Naddaf il-linja ta’ trasferiment tal-kampjun;
  • Naddaf sew il-kontenitur tal-kampjuni qabel ma jittieħed il-kampjun. Il-kontenituri ma għandhomx jimtlew iżżejjed. Għandu jkun hemm spazju intern vojt biżżejjed biex il-kampjun ikun jista’ jespandi.
  • Il-kampjun jiġi ttrasferit fil-kontenitur (ċilindru tal-gass);
  • Spazju vojt fil-kampjun – ħalli l-likwidu żejjed jaħrab u agħlaq il-valv mal-ewwel sinjal ta’ fwar. Jekk l-ebda likwidu ma joħroġ, warrab il-kampjun u erġa’ imla l-kontenitur tal-kampjuni.
Għall-kontenituri għat-teħid ta’ kampjuni mingħajr tubu intern li joħloq spazju vojt, proċedura alternattiva aċċettabbli tkun li jintiżen il-kampjun skont din il-proċedura:
  • Imla għalkollox il-kontenitur tal-kampjuni billi tuża l-indikazzjoni ta’ tifwir ħafif.
  • Mingħajr ma ssaħħan il-kampjun, iżen immedjatament il-kontenitur bil-kampjun ġo fih fuq miżien u rreġistra l-piż gross.
  • Battal bil-galbu l-likwidu mill-qiegħ tal-kontenitur f’qagħda wieqfa b’mod li jkun ġie approvat ambjentalment.
  • Imbagħad iżen il-kontenitur ivventjat u uża l-piż tara tal-kontenitur biex tagħmel stima tal-ispazju vojt li jkun hemm fil-kampjun ġo fih. Erġa’ vventja u iżen sakemm tikseb livell ta’ madwar 20 % ta’ spazju vojt fil-kampjun.
Il-kontenituri għandhom jiġu ċċekkjati li ma jnixxux gass (test tat-tnixxija). Wara li l-likwidu żejjed ikun ġie eliminat sabiex jibqa’ 80 % tal-volum tal-kampjun, il-kontenitur għandu jiġi ċċekkjat għal tnixxijiet, pereżempju billi jitgħaddas f’banju tal-ilma. Jekk f'xi mument waqt l-operazzjoni tat-teħid ta’ kampjuni tinsab tnixxija, armi l-kampjun.

Meta l-ivventjar immedjat ma jkunx possibbli, pereżempju f’postijiet perikolużi, għandhom jittieħdu miżuri sabiex it-temperatura ma tiżdiedx qabel l-ivventjar f’post sikur, it-trasferiment lejn kontenitur ikbar, l-analiżi immedjata jew kull miżura sikura oħra li jkun hemm provvediment għaliha.

Alternattivament, il-kampjuni jistgħu jittieħdu permezz ta’ ċilindru b’pistun li jżomm fil-wiċċ: Kampjun fluwidu tal-idrokarburi jiġi ttrasferit taħt pressjoni minn sors għal ċilindru tal-pistun li jiċċaqlaq. Iċ-ċilindru tat-tip tal-pistun huwa mfassal biex jiġbor kampjuni fluwidi billi jgħaddi fluwidu li joħloq pressjoni (is-soltu gass inerti) fil-livell ta’ pressjoni li fih jittieħdu l-kampjuni. Il-pistun iservi bħala ostaklu bejn il-kampjun u l-gass inerti. Dan il-metodu jeħtieġ volum ta’ gass inerti ta’ 20 % għall-ħżin sikur u t-trasport tal-kampjun.

Ikkonsulta lil-laboratorju tiegħek biex tiċċekkja jekk hux kapaċi jipprovdi analiżi ta’ kampjun gassuż.

Formola tat-teħid ta’ kampjuni Imla l-formola tat-teħid ta’ kampjuni. Tinhemeż kopja waħda mal-kampjuni u kopja oħra tinżamm fir-reġistri.

Trasport
  • Il-kampjuni għandhom ikunu ttikkettati sabiex tkun indikata n-natura speċifika tal-periklu tagħhom – ara s-sezzjoni dwar is-Saħħa u s-Sigurtà;
  • Kopja tal-SDS għandha tinżamm dejjem mal-kampjun.
  • Il-kontenitur tal-kampjuni għandu jkun protett minn ħsara waqt it-trasport billi titqiegħed kappa ta’ protezzjoni fuq il-valvi;
  • Il-kampjun huwa materjal li t-trasport tiegħu huwa rregolat mir-regoli tal-ADR jew minn regoli rilevanti oħra tat-trasport; Eżenzjonijiet relatati ma’ oġġetti perikolużi ppakkjati fi kwantitajiet limitati jistgħu jiġu applikati meta jintużaw pakketti ta' kombinazzjoni (li jikkonsistu f'imballaġġ intern u estern li ma jkollhomx it-tendenza li jinkisru jew li jittaqqbu faċilment) – ara s-sezzjoni dwar il-Prinċipji Ġenerali. L-immaniġġjar tal-kampjuni It-trasport;
  • Waqt it-trasport, iċ-ċilindru tal-kampjun għandu jkun protett minn temperaturi li jistgħu joħolqu pressjoni żejda fil-kampjun;
  • Il-vettura tat-trasport għandha ġġorr apparat xieraq tat-tifi tan-nar.
Il-ħżin
  • Il-kampjuni għandhom ikunu ttikkettati sabiex tkun indikata n-natura speċifika tal-periklu tagħhom – ara s-sezzjoni dwar is-Saħħa u s-Sigurtà;
  • Kopja tal-SDS għandha tinżamm dejjem mal-kampjun;
  • Il-kontenitur tal-kampjuni għandu jkun protett minn ħsara waqt il-ħżin billi titqiegħed kappa ta’ protezzjoni fuq il-valvi;
  • Aħżen f’post frisk u ventilat tajjeb, ’il bogħod minn sorsi ta’ sħana u dawl tax-xemx dirett;
  • Żomm il-kontenitur magħluq sewwa u protett sabiex ma jintilef xejn minnu. Armi kwalunkwe kampjun f’kontenituri li jibdew inixxu;
  • Għall-materjal li jaqbad malajr, jekk possibbli uża armarju ventilat.

Gassijiet likwifikati miż-żejt (espandi l-lista)
In-Numru tal-HS Id-Deskrizzjoni


Ir-Reviżjonijiet
Il-Verżjoni Id-Data Il-Bidliet
1.1 15.01.2021 L-ewwel verżjoni