1. L-Introduzzjoni
Normalment ma jkollokx għalfejn tispezzjona merkanzija jew tieħu kampjuni fuq xi bastiment, iżda jekk ikollok tagħmel dan, dejjem kun żgur li l-kaptan, l-ekwipaġġ u kwalunkwe ħaddiem ieħor fil-qrib ikunu jafu bl-intenzjoni tiegħek. Din il-gwida hija maħsuba sabiex tipprovdi biss ħarsa ġenerali tal-perikli għas-sigurtà li tista’ tiltaqa’ magħhom meta tkun qed taħdem fuq vapuri u bastimenti oħrajn.
- Għandek tkun konxju minn dawn il-perikli u tevita sitwazzjonijiet perikolużi.
- M’għandek tidħol fl-ebda żona ta’ bastiment li ma tkunx miftuħa għall-pubbliku ġenerali mingħajr permess speċifiku u, jekk ikun meħtieġ, superviżjoni.
- Jekk ma tkunx tista’ tevita periklu magħruf m’għandekx tkompli x-xogħol mingħajr it-taħriġ adegwat, il-gwida u, fejn xieraq, il-permess meħtieġ mill-kaptan jew is-sidien tal-bastiment.
Għandek dejjem tirreferi għal-leġiżlazzjoni u l-gwida nazzjonali tiegħek.
Il-valutazzjonijiet tar-riskju u l-prattiki ta’ xogħol mingħajr periklu għandhom ikunu disponibbli għall-persunal li jaħdem fuq il-vapuri jew il-bastimenti.
1.1 Tagħmir ta’ Sigurtà Adattat
It-tagħmir ta’ sigurtà għandu jkun disponibbli u għandu jintlibes. Dan jista’ jinkludi:
- ilbies b’viżibbiltà għolja;
- ġkieket tas-salvataġġ u/jew ‘libsa tal-lastiku’;
- ingwanti;
- ġagagi;
- żraben li ma jiżolqux u li jkunu antistatiċi (normalment bil-parti ta’ quddiem iebsa);
- elmi tas-sigurtà;
- torċ intrinsikament sikur (IS) jew dawl li tkun tista’ taħdem bih (tagħmir li huwa sigur għall-użu f’atmosfera li tista’ taqbad).
Jekk ikollok tidħol ġo spazji magħluqa, tkun teħtieġ tagħmir speċjalizzat ieħor (u t-taħriġ biex tużah), inkluż:
- sistema ta’ allarm għas-sigurtà personali (fiha sensuri tal-moviment u jindikaw meta persuna tkun mitlufa minn sensiha);
- moniter personali għall-identifikazzjoni ta’ diversi gassijiet (jindividwa gassijiet li jagħmlu ħsara);
- radju/linja ta’ komunikazzjoni intrinsikament sigura (IS);
- tagħmir ta’ salvataġġ għall-ispazji magħluqa (apparat tan-nifs b’arja kompressata);
- arness tas-sigurtà u linja ta’ sikurezza u ta’ lokazzjoni;
- sistema ta’ risuxxitazzjoni manwali u awtomatika (MARS).
Kontrolli tas-saħħa, taħriġ u taħriġ regolari ta’ aġġornament huma meħtieġa qabel tuża l-apparat tan-nifs bl-arja kkompressata.
2. L-Aċċess għall-Bastimenti
Din it-taqsima fiha gwida dwar kif titla’ abbord il-bastimenti mingħajr periklu. Il-leġiżlazzjoni titlob li l-kaptan ta’ bastiment jipprovdi mezzi siguri ta’ tlugħ abbord u ta’ żbark għal kull min ikollu interess leġittimu abbord. Dan jinkludi lill-uffiċjali tad-dwana li jkunu qegħdin fuq xogħol.
L-aċċess għall-bastimenti normalment ikun ipprovdut permezz tas-sellum jew il-passarella, li għandhom ikunu marbutin tajjeb. Jekk il-passarella tkun sejra tgħaddi minn fuq l-ilma, għandhom jintużaw ukoll ix-xbieki tas-sigurtà.
Qatt m’għandek tipprova titla’ abbord bastiment sakemm ma tkunx ċert li tista’ tagħmel dan mingħajr periklu. Is-slielem jew il-passarelli spiss ikunu jiżolqu jew miksija bis-silġ. Iż-żraben tas-sigurtà b’qiegħ ma jiżloqx inaqqsu r-riskju ta’ xi inċident, iżda xorta waħda għandek toqgħod attent — l-aktar jekk ikun id-dlam. Barra mill-gwida li ġejja, għandek taqra wkoll it-taqsima dwar
ix-xogħol fl-għoli.
2.1 It-tlugħ abbord mill-moll
Meta titla’ fuq bastiment mill-moll, għandek tuża s-sellum jew il-passarella pprovduti. Qabel tużahom, iċċekkja li:
- il-passarella jew is-sellum huma armati u mqabbda kif suppost;
- huma miftuħa kif suppost u jlaħħqu sa metru aktar minn fejn trid tasal inti;
- ix-xbieki tas-sigurtà qegħdin f’posthom jekk ser taqsam minn fuq l-ilma;
- jekk ser titla’ abbord vapur li jgħabbi l-karozzi wkoll, għandek tagħmel dan mill-passarella sakemm ir-rampi tal-karozzi ma jkunux l-uniku mezz kif titla’ fuq il-vapur;
- f’każ li l-gverta tal-vapur tkun taħt il-livell tal-moll, it-tagħmir għall-aċċess għandu jkun ipprovdut fuq il-bastiment. Tippruvax taqbeż għal fuq il-vapur — tista’ tiżloq jew taqa’;
- ftakar li f’postijiet fejn il-marea tagħmel differenza l-bastiment jista’ jogħla jew jinżel bejn il-ħin li tkun wasalt sal-ħin li fih tkun ser titlaq u għalhekk jista’ jkun li s-sellum/il-passarella tkun bidlet il-pożizzjoni, eż. billi tkun aktar wieqfa jew ma tkunx tlaħħaq biżżejjed. Jekk ikollok xi dubju, staqsi lill-kaptan jew lill-uffiċjal tal-gverta responsabbli biex jirranġaha kif suppost.
2.2 It-tlugħ abbord minn fuq bastiment ieħor
It-tlugħ abbord bastiment minn fuq bastiment ieħor jista’ jkun partikolarment perikoluż. Ipprova evitah jekk ikun possibbli. Qatt m’għandek tipprova tagħmel dan jekk bastiment ikun qed jiċċaqlaq. Fejn ikun meħtieġ, normalment tkun ir-responsabbiltà tal-bastiment li jkun jinsab fuq barra (jiġifieri l-aktar wieħed ’il bogħod mill-moll) li jipprovdi aċċess sigur lill-bastiment l-ieħor. L-unika eċċezzjoni hija meta l-bastiment ta’ barra jkollu soprastruttura ferm aktar baxxa (jiġifieri l-gverta tkun aktar fil-baxx, allura l-aċċess ikun jeħtieġ li wieħed jixxabbat), f’liema każ il-bastiment bl-ogħla soprastruttura huwa responsabbli li jipprovdilek aċċess sigur. Dan jinvolvi normalment l-użu ta’ slielem tal-ħabel u din hija l-unika okkażjoni li għandek tużahom għall-aċċess. Tippruvax titla’ ma’ sellum tal-ħabel jekk ħadd ma jurik kif tagħmel dan mingħajr periklu.
Tinsiex: għandek dejjem tkun liebes ġakketta tas-salvataġġ meta titla’ abbord bastiment minn fuq bastiment ieħor, u oqgħod attent ħafna — b’mod speċjali f’temp ikrah.
2.3 L-użu ta’ slielem
Tużax sellum li tista’ ġġorru biex titla’ abbord bastiment. Madankollu, jekk ikollok bżonn tuża wieħed għal xi raġuni oħra, dan għandu jkun sellum maħdum tajjeb, miżmum tajjeb u b’saħħtu biżżejjed (is-slielem immarkati ‘għall-użu fid-dar’ m’għandhomx jintużaw). Barra minn hekk ħu dawn il-prekawzjonijiet ta’ sigurtà li ġejjin:
- orbot is-sellum minn kull tarf biex ma jiżloqx minn postu;
- kun ċert li jasal mill-inqas metru ’l fuq mill-post fejn trid tasal u żżomm xejn f’idejk waqt li tkun tiela’;
- qabbad l-għodod ma’ ċinturin tal-għodda u erfa’ oġġetti oħrajn f’borża fuq dahrek;
- dejjem itla’ u inżel b’wiċċek lejn is-sellum;
- u itla’ jew inżel skaluna wara l-oħra.
Oqgħod attent jekk tkun liebes ilbies tas-sigurtà bħal ġakketta tas-salvataġġ jew elmu biex dawn ma jinqabdux fl-iskaluni.
2.4 Id-dgħajjes tal-persunal
Id-dgħajjes tal-persunal xi drabi jintużaw mill-persunal li jitilgħu fuq unitajiet ta’ tħaffir mobbli li jkunu ’l barra mix-xatt. Dawn huma wieħed mill-aktar mezzi ta’ aċċess perikolużi u għandhom jintużaw biss minn persuni li jkunu ġew imħarrġa apposta. L-industrija taż-żejt tista’ tgħin fit-taħriġ ta’ xi persunal uffiċjali li aktarx ikollu juża d-dgħajjes tal-persunal. Kwalunkwe operazzjoni li tinvolvi l-użu tad-dgħajjes tal-persunal għandha tkun ippjanata sew u ssorveljata tajjeb. Jekk ikollok titla’ abbord unità ta’ tħaffir mobbli barra l-kosta b’dan il-mod, għandek:
- tifhem kif ser isir it-trasferiment u tkun sodisfatt li ma jinvolvix periklu;
- tilbes ġakketta tas-salvataġġ u kwalunkwe lbies ta’ sigurtà ieħor li inti u l-maniġer tiegħek tqisu li huwa meħtieġ;
- tara li l-bastiment ta’ riserva u d-dgħajsa tas-salvataġġ ikunu lesti għal xi intervent;
- tobdi l-istruzzjonijiet kollha li tagħtik il-persuna responsabbli mit-trasferiment.
Dan it-tip ta’ tlugħ abbord m’għandux isir f’temp ikrah (fil-maltemp).
3. Ix-xogħol abbord
Hemm bosta perikli assoċjati ma’ kull parti tal-bastiment. L-insetti huma adattabbli ħafna u tista’ ssibhom kważi kullimkien, instabu firien fl-istivi u fi kwalunkwe post in-nies jistgħu jwaqqgħu oġġetti maħmuġa li m’għandekx taqbad b’idejk jekk ma tkunx liebes ingwanti.
It-tagħmir tal-bastiment: Qatt m’għandek tipprova teżamina xi tagħmir abbord sakemm ma tkunx kellimt lil xi uffiċjal responsabbli. Interferenza mingħajr esperjenza fit-tagħmir tas-sigurtà, fl-apparat tan-navigazzjoni jew fis-sistemi tal-elettriku tista’ taffettwa n-navigabbiltà tal-bastiment, u b’hekk tqiegħed fil-periklu s-sigurtà tal-passiġġieri u l-ekwipaġġ. Tkun qed twettaq reat kriminali
Iż-żoni tal-passiġġieri u l-kmamar tal-ekwipaġġ: Meta tkun qed tispezzjoni dawn il-partijiet, oqgħod attent minn oġġetti bil-ponta li jistgħu jkunu moħbija fit-tapizzerija. Jekk tneħħi xi tagħmir tas-sigurtà minn postu, eż. ġkieket tas-sigurtà, għandek tqiegħdu lura f’postu qabel tħalli l-bastiment.
Il-kompartimenti tal-istivar u l-kabinetti li jissakkru: Oqgħod attent għal kimiċi u tagħmir perikolużi. Ħares l-ewwel u itlob l-għajnuna tal-ekwipaġġ jekk ma tkunx ċert x’fiha dik il-parti.
It-tojlits: Minbarra li joħolqu l-possibbiltà ta’ perikli għas-saħħa, fil-forma ta’ labar ipodermiċi mormija, eċċ., it-tojlits jista’ jkun fihom kimiċi tat-tindif u diżinfettanti korrużivi. Jekk ikollok bżonn tispezzjona dawn iż-żoni, għandek tilbes ilbies u tagħmir ta’ sigurtà xieraq, b’mod partikolari l-ingwanti, u aħsel idejk minnufih wara.
Il-kċejjen: It-tagħmir elettriku tat-tisjir jaħdem b’vultaġġi għoljin u jista’ jkun jaħraq ħafna. Oqgħod attent minn ħġieġ miksur, eċċ. fil-boroż u fil-bramel tal-iskart. Ċerti bastimenti huma mgħammra b’liftijiet tal-kċina. Dawn huma partikolarment perikolużi u m’għandekx tgħaddi minnhom.
L-istivi: L-istivi jistgħu jkunu partikolarment perikolużi, speċjalment jekk ikun qed isir xogħol ta’ tagħbija jew ħatt. Ħu permess qabel tidħol fihom. Ilbes l-ilbies protettiv xieraq u elmu tas-sigurtà. Oqgħod attent ħafna peress li l-merkanzija tista’ tkun iċċaqalqet minn postha waqt il-vjaġġ, b’mod partikolari jekk il-baħar kien imqalleb.
Tinsiex: irreferi għal-leġiżlazzjoni u l-gwida nazzjonali tiegħek meta taħdem f’dan l-ambjent perikoluż.
3.1 X’inhuma l-Perikli?
Il-perikli fuq il-bastimenti jvarjaw fis-serjetà tagħhom. Għandek tispezzjoni jew tieħu kampjun ta’ merkanzija abbord bastiment meta ma jkollokx għażla oħra biss. Jeħtieġ taħriġ komprensiv qabel tidħol f’ambjenti bħal dawn. Qatt m’għandek tibda x-xogħol mingħajr ma tinforma lill-kaptan tal-bastiment jew lill-uffiċjal tal-gverta responsabbli.
Xi wħud mill-aktar perikli serji huma elenkati hawn taħt:
| Il-Periklu | Il-Kontromiżura |
| Persuna taħdem waħedha: Hemm il-periklu li, meta taħdem waħdek, tista’ tingħalaq xi mkien jew tweġġa’ u ma tkun tista’ ssejjaħ lil ħadd biex jgħinek. | Persuna taħdem waħedha: Evita li taħdem waħdek, iżda jekk ikollok tagħmel hekk, żomm komunikazzjoni tajba ma’ xi ħadd responsabbli sabiex jiċċekkja s-sigurtà tiegħek u dejjem avża lil xi ħadd ieħor dwar l-intenzjonijiet tiegħek u fejn ser tkun qabel tibda. Tinsiex tiċċekkja r-radju tiegħek qabel tħalli l-uffiċċju. |
| Dawl: Hija r-responsabbiltà tal-kaptan tal-bastiment li jipprovdi dawl adegwat — iżda dan mhux dejjem ikun possibbli. | Dawl: Jekk ma jkollokx dawl biżżejjed, eż. billi tiftaħ xi bokkaport jew bieb, tista’ tuża torċ IS jew lampa adattata. |
| Żelqiet u waqgħat: Il-gverta tal-bastiment tista’ tkun imxarrba jew miksija b’xi residwi taż-żejt jew ħut li jżidu mar-riskju ta’ żliq. | Żelqiet u waqgħat: Ilbes żarbun/buz adattat antistatiku u li ma jiżloqx. Oqgħod partikolarment attent meta tkun qrib il-makkinarju tal-gverta, fejn jista’ jkun hemm lubrikanti mxerrda, jew jekk tinnota xi merkanzija tqattar. |
Makkinarju: Hemm bosta makkinarju li jista’ jkun qed jintuża meta l-bastiment ikun irmiġġat, inkluż:
- tagħmir ta’ ventilazzjoni;
- ġeneraturi;
- taljoli;
- makkinarju li jċaqlaq il-merkanzija, inklużi trakkijiet bil-fork-lift, krejnijiet, ċineġ tat-trasport jew liftijiet.
| Makkinarju: Oqgħod ’il bogħod minn makkinarju jiċċaqlaq u ilbes ilbies b’viżibbiltà għolja u elmu tas-sigurtà.
Ftakar: l-operatur jista’ jkollu veduta limitata, b’mod partikolari fl-istiva. Għandek tosserva l-istruzzjonijiet tal-uffiċjali jew tal-ekwipaġġ.
Ftakar: f’baċini tal-marea il-linji tal-irmiġġ tal-vapur ikunu jeħtieġu li jiġu aġġustati spiss permezz ta’ taljoli. Żomm ’il bogħod sew waqt dawn l-operazzjonijiet. |
| Asbestos: Il-bastimenti moderni m’għandhomx ikollhom asbestos perikoluż, iżda l-bastimenti aktar antiki jista’ jkun fihom l-asbestos bħala prevenzjoni kontra n-nar jew insulazzjoni termali. | Asbestos: Oqgħod partikolarment attent meta tkun abbord bastimenti antiki jew bastimenti rreġistrati f’pajjiżi bi standards aktar baxxi. Iċċaqlaqx il-kisi insulanti tal-pajpijiet jew insulazzjoni oħra. Jekk taħseb li jista’ jkun hemm xi riskju, ħalli ż-żona minnufih u avża lill-kaptan. |
| Tagħmir tal-bastiment: Tista’ tingħata ċ-ċans li tuża t-tagħmir ta’ sigurtà pprovdut mill-bastiment. Madankollu, m’għandekx tagħmel dan sakemm ma tkunx ġejt imħarreġ kif tużah u tkun sodisfatt li huwa f’kundizzjoni li jaħdem. | Tagħmir tal-bastiment: M’għandux ikollok il-bżonn li tuża tagħmir ipprovdut mill-kaptan tal-bastiment. Jekk ikun meħtieġ, għandek dejjem tuża tagħmir uffiċjali — bit-taħriġ xieraq. |
| Mħażen imkessħa: L-imħażen imkessħa jista’ jkollhom mekkaniżmi li jsakkruhom awtomatikament u jista’ jkun fihom atmosfera speċjali li tippreserva l-oġġetti. Spiss jinżammu f’temperatura ta’ -25 °C jew inqas. | Mħażen imkessħa:
- Dejjem ara li jkollok lil xi ħadd barra l-bieb li tkun tista’ ssejjaħlu għall-għajnuna jekk issib ruħek f’diffikultà.
- Iċċekkja li hemm biżżejjed ossiġnu u li m’hemm l-ebda gass ieħor perikoluż fil-maħżen qabel tidħol.
- Ilbes ħwejjeġ ta’ iżolazzjoni sabiex jipproteġuk mill-kesħa.
- Illimita l-ammont ta’ ħin li tqatta’ f’maħżen kiesaħ sabiex tassigura li t-temperatura ta’ ġismek ma titbaxxiex iżżejjed.
|
| Kuntatt ma’ żjut u tixrid ieħor: Tista’ tiltaqa’ ma’ żejt imxerred jew merkanzija tqattar. Iż-żejt jew il-merkanzija jistgħu jkunu perikolużi, kemm jekk tmisshom kif ukoll jekk ixxommhom. | Kuntatt ma’ żjut u tixrid ieħor: Jekk tara xi taqtir jew tnixxija minn kontejner, iċċekkja ħalli tara jekk jafux bih. Sakemm ma jkunx ġie assolutament deċiż li huwa sigur minn persuna kompetenti, oħroġ immedjatament u avża lill-kaptan. Evita kull kuntatt ma’ likwidu mxerred anki jekk jitqies bla periklu, minħabba li jista’ jkollok reazzjoni fil-ġilda. Ħu parir mediku xieraq jekk tinnota xi sintomi.
Tinsiex: anki l-kimiċi li huma siguri waħedhom jistgħu jirreaġixxu flimkien (jew ma’ fwar tal-ilma fl-atmosfera) u jirrilaxxaw dħaħen tossiċi jew jarmu biżżejjed sħana biex jikkawżaw korriment jew nirien. |
Storbju eċċessiv: Waqt li bastiment ikun irmiġġjat jista’ jkun hemm bosta makkinarju storbjuż li jkun qed jaħdem, inkluż:
- tagħmir ta’ ventilazzjoni;
- ġeneraturi;
- taljoli;
- makkinarju li jċaqlaq il-merkanzija, inklużi trakkijiet bil-fork-lift, krejnijiet, ċineġ tat-trasport jew liftijiet.
| Storbju eċċessiv: Għandek tivvaluta r-riskju u tillimita l-espożizzjoni jew tuża protezzjoni għal widnejk. L-espożizzjoni fit-tul saħansitra għal-livelli ta’ ħoss moderati jistgħu jagħmlu ħsara lis-smigħ.
Tinsiex: il-ħoss eċċessiv jista’ jtellef il-komunikazzjoni u jtellfek milli tagħraf perikli oħrajn. |
Postijiet magħluqa: Kif intqal qabel, postijiet magħluqa abbord il-vapuri, inklużi:
- tankijiet tas-saborra,
- kabinetti li jissakkru,
- stivi tal-merkanzija u tankijiet, u
- kmamar tal-magni u tal-makkinarju
jistgħu joħolqu firxa wiesgħa ta’ perikli, inklużi dħaħen u sustanzi tossiċi. | Postijiet magħluqa: Qatt m’għandek tidħol f’post magħluq mingħajr it-taħriġ u t-tagħmir adattat. Dejjem għandha ssir valutazzjoni tar-riskju u għandek dejjem titlob il-permess mingħand il-kaptan jew l-uffiċjal tal-gverta inkarigat qabel tidħol f’post magħluq. |