Iż-żoni tal-baċiri jikklassifikaw fost l-aktar postijiet perikolużi li l-persunal tad-dwana jkollu jaħdem fihom. Minbarra l-perikli ovvji assoċjati mal-ħidma ħdejn l-ilma, iż-żoni tal-baċiri dejjem ikun fihom bosta affarijiet oħra li jikkawżaw il-ħsara, inklużi:
- vetturi u bastimenti jiċċaqalqu;
- krejnijiet fl-għoli u makkinarju li jerfa’ l-kontejners;
- sustanzi perikolużi;
- makkinarju tqil;
- uċuħ li jiżolqu;
- periklu ta’ tfixkil f’oġġetti (eż. ħbula tal-irmiġġ, palits, eċċ.);
- persuni (turisti, eċċ.).
1. Il-perikli tat-trasport
1.1 It-tagħrif ġenerali
It-trasport fil-baċiri u ż-żoni tal-merkanzija jistgħu joħolqu diversi perikli. Għalkemm ħafna mir-regoli standard tat-triq japplikaw, u jkun hemm rotot speċifiċi u mmarkati b’mod ċar għall-vetturi, hemm riskji oħrajn minbarra dawk li jkun hemm fi triq miftuħa. Din it-taqsima tispjega xi wħud mill-aktar tipi ta’ vetturi komuni li tista’ tiltaqa’ magħhom, ir-riskji li joħolqu u kif tevita li tweġġa’.
Jekk tkun qed issuq f’baċir, tinsiex li r-regoli normali tat-triq japplikaw xorta waħda iżda jkun hemm perikli oħrajn ukoll. Tittrattax il-baċiri bħala żona mingħajr restrizzjonijiet li tista’ ssuq fiha kif trid. Ipparkja l-vettura tiegħek ’il bogħod mit-tarf tal-ilma jekk ikun possibbli.
1.2 X’tipi ta’ vetturi nista’ niltaqa’ magħhom?
Għandek issib firxa wiesgħa ta’ vetturi fil-baċiri u fiż-żoni tal-merkanzija, li jvarjaw minn trakkijiet bil-fork-lift u karretti elettriċi għal karozzi u vetturi tqal tal-merkanzija jew krejnijiet mobbli u trasportaturi li jerfgħu u jġorru l-kontejners (straddle carriers). Bosta siti jkunu konnessi wkoll man-netwerk ferrovjarju, għat-traffiku tal-passiġġieri u/jew tal-merkanzija.
L-impjegati tal-baċiri u l-persuni li jimmaniġġjaw il-merkanzija normalment jaħdmu skont skadenzi stretti, b’mod partikolari meta l-merkanzija tkun qiegħda tinħatt, tinħażen jew tiġi kkonsenjata. Oqgħod attent għal xi vettura li tkun għaddejja b’veloċità qawwija f’okkażjonijiet bħal dawn. L-aħjar mod kif tevita li tolqtok xi vettura huwa li toqgħod ’il bogħod minnhom sew. Ir-rotot siguri għal min ikun miexi għandhom ikunu mmarkati b’mod ċar. Jekk ikollok taħdem f’żona ristretta, dejjem għid lill-operatur tas-sit li ser tagħmel dan. L-operatur imbagħad javża lis-sewwieqa kollha tiegħu li inti tkun qiegħed hemmhekk. Tinsiex tgħidilhom meta tkun spiċċajt mix-xogħol biex huma jkunu jistgħu jkomplu x-xogħol normali tagħhom.
1.3 X’inhuma r-riskji?
Il-krejnijiet u l-liftijiet mobbli: L-operaturi spiss ikollhom nuqqas ta’ viżibbiltà mill-kabini tagħhom u ma jkunux jistgħu joqgħodu daqstant attenti għall-persuni li jkunu għaddejja fil-qrib. Ġewwa, bħal pereżempju fl-imħażen ta’ tranżitu, jista’ jkun hemm riskju ulterjuri minn dħaħen tad-diżil jew tal-petrol. Dejjem avża lis-superviżur tas-sewwieq dwar il-preżenza tiegħek. Normalment ikun jista’ jikkuntattja lis-sewwieq bir-radju.
Il-krejnijiet li jerfgħu u jġorru l-kontejners u vetturi li jistivaw il-kontejners: Il-krejnijiet li jerfgħu u jġorru l-kontejners jistgħu jitħaddmu mill-bogħod jew saħansitra bil-kompjuter. F’żoni fejn jiġu stivati l-kontejners, il-viżibbiltà bejn ir-ringieli xi drabi tkun imnaqqsa ħafna jew nieqsa għalkollox. Tidħolx f’żona fejn ikunu qegħdin jiġu stivati l-kontejners sakemm ikun waqaf ix-xogħol kollu.
Il-vetturi li jaħdmu bl-elettriku: Dawn jinkludu t-trakkijiet bil-fork-lift, il-karretti elettriċi u l-vetturi mħaddma minn persuna wieqfa. Dawn huma partikolarment perikolużi minħabba li:
- ma jagħmlu kważi l-ebda ħoss;
- huma kapaċi jilħqu veloċità kbira;
- spiss ma jkunux jistgħu joffru lis-sewwieq viżjoni sħiħa.
Huma perikolużi partikolarment:
- meta jintużaw ġewwa fejn l-oġġetti jkunu stivati f’ringieli, minħabba li l-viżibbiltà tax-xufier tkun saħansitra aktar ristretta;
- meta tkun qed taħdem f’żoni ta’ ħżin dejqa fejn skalkolu fl-immanuvrar jista’ jispostja oġġetti oħrajn jekk mhux l-ixtilliera kollha mimlija oġġetti;
- meta jkun hemm aktar minn ħaddiem wieħed fl-istess żona. Il-ħsejjes ta’ twissija bħal pereżempju l-indikaturi tar-rivers jistgħu jinftehmu ħażin.
Għandek toqgħod ’il bogħod meta jkun qed jinħadem il-fork-lift u mhux tassumi li qed jarak ix-xufier.
Linji ferrovjarji: Ix-xogħol ħdejn il-linji ferrovjarji jista’ jkun partikolarment perikoluż. Probabbilment il-ferroviji ma jkunux mexjin b’veloċità għolja fiż-żoni tal-baċiri, iżda xorta jeħtieġu ħafna aktar distanza minn vettura tat-triq qabel ma jieqfu għalkollox. L-elettriku, kemm mil-linji elettriċi fl-ajru kif ukoll mil-linji kondutturi, jista’ jżid il-perikli.
Vetturi oħrajn. Jista’ jkun hemm vetturi oħrajn għaddejjin, bħal karozzi privati, kowċis u trakkijiet. Dawn għandhom iżommu mar-rotot maħsuba għalihom. It-trakkijiet jew il-laneċ tal-irmonk li jintużaw biex imexxu l-containers fil-port jistgħu jiċċaqilqu jew jibdlu d-direzzjoni f’daqqa.
1.4 X’jista’ jsir biex jitnaqqsu r-riskji?
Dejjem ilbes ilbies b’viżibbiltà għolja u pprova aħdem ma’ xi ħadd ieħor fejn ikun possibbli.
Tinsiex: hija r-responsabbiltà tiegħek li żżomm ’il bogħod mill-vetturi fil-baċiri. Min ikun miexi m’għandux dritta.
Jekk tkun miexi għandek dejjem tibqa’ fil-passaġġi siguri indikati għall-mixi. Żomm ’il bogħod sew minn vetturi kbar bħal krejnijiet mobbli u krejnijiet li jerfgħu u jġorru l-kontejners. Jista’ jkun li s-sewwieq ma jkunx jista’ jarak.
Tidħolx fiż-żoni ristretti mingħajr il-kunsens tal-operatur.
Huwa aktar sigur li tevita ż-żoni kollha fejn ikun hemm vetturi jiċċaqalqu, b’mod partikolari l-vetturi l-kbar fejn il-viżjoni tas-sewwieq tista’ tkun ristretta jew il-vettura ddum ma tieqaf. Jekk ikollok taħdem f’dawn iż-żoni, oqgħod attent għall-bozoz sofor li jteptpu li jindikaw meta vettura tkun qiegħda tiċċaqlaq, u dejjem ħares fid-direzzjoni ta’ fejn ikun ġej it-traffiku.
2. L-Ispezzjonar ta’ Vetturi
2.1 Il-Pariri Ġenerali
Il-punti li ġejjin japplikaw għall-ispezzjoni ta’ kull tip ta’ vettura:
- L-għodod u t-tagħmir kollu li tuża għax-xogħol fuq il-vetturi għandhom ikunu adattati għall-użu li tkun ser tagħmel minnhom. It-tagħmir għandu jkun immanifatturat skont l-istandards ISO/EN, b’mod partikolari jekk ikun ser jintuża f’żoni li jistgħu jaqbdu jew jisplodu.
- Qatt m’għandek taħdem waħdek.
- Għandek tneħħi l-ġojjellerija kollha, ċrieket, ġiżirajjen, eċċ.
- Dejjem kun żgur li s-sewwieq/l-operatur tal-vettura jaf xi tkun qed tagħmel, biex ma jkunx hemm riskju li jċaqlaqha:
- aqla’ ċ-ċavetta;
- qiegħed nota fuq l-istering;
- ara li l-brejk tal-ipparkjar ikun imtella’;
- daħħal feles taħt ir-roti.
- Jekk ikun meħtieġ, skonnettja s-sistemi tal-elettriku (dan għandu jsir minn espert).
- Oqgħod attent ħdejn is-sistemi tal-airbag jekk il-vetturi jkollhom waħda.
- Uża t-tagħmir ta’ protezzjoni personali adattat, inkluż:
- protezzjoni għal idejk;
- protezzjoni għal rasek;
- protezzjoni oħra.
- Qatt m’għandek taħdem taħt partijiet ta’ vettura li ma jkollhomx irfid u, jekk ikun qed jintuża fork-lift ġol-vettura, kun żgur li l-vettura tista’ tiflaħ il-piż żejjed tiegħu.
- Kun żgur li ż-żoni kollha jkollhom ventilazzjoni tajba u li kwalunkwe fumigazzjoni tkun ikklerjat. (Jekk il-vettura tkun ġiet iffumigata u mbagħad ivventilata, dan irid jintwera b’ċertifikat.)
- Uża t-tagħmir ta’ monitoraġġ tal-gass jekk ikollok xi dubju.
- Skopri x’tip ta’ oġġetti jkunu qegħdin jinġarru sabiex tivvaluta kwalunkwe riskju.
2.2 Il-punti addizzjonali għall-bawżers tat-triq jew ferrovjarji
- Jekk tkun qed teżamina s-saqaf ta’ vetturi għoljin jew xi bawżer, dejjem uża rfid adattat jew mezzi siguri ta’ aċċess — tużax slielem li jinġarru jew li ma jkunux stabbli (ara x-xogħol fl-għoli).
- Itla’ biss fuq il-vetturi jekk tkun ġejt imħarreġ biex tagħmel dan — u jekk ikunu stabbiliti miżuri adegwati f’każ ta’ xi waqgħa (eż. ċineg li jipproteġuk mill-waqgħat). Is-saqaf jista’ jkun jiżloq.
- Ħares ’il fuq — jista’ jkun li tkun qed taħdem taħt xi wajers għaddejjin fl-għoli jew taħt is-saqaf jekk tkun f’kamra ta’ spezzjoni.
- Il-bawżers jistgħu jkunu mtlew jew tbattlu taħt pressjoni, f’liema każ jista’ jkun għad fadal xi pressa residwa. Tippruvax tiftaħ il-bokkaporti ta’ spezzjoni sakemm tkun taf li l-pressa tneħħiet għalkollox — ikun aħjar jekk titlob lis-sewwieq biex jiftaħhom hu fi kwalunkwe każ.
- Xi oġġetti li normalment ikunu solidi jiġu ttrasportati fi stat likwidu billi tiżdied it-temperatura tagħhom. Dan joħloq riskju ta’ tismit jew ta’ ħruq.
3. L-ispezzjonar ta’ merkanzija u kontejners
3.1 It-tagħrif ġenerali
L-ispezzjoni ġenerali tal-merkanzija, b’mod partikolari fit-terminals u l-imħażen tal-kontejners, toħloq firxa wiesgħa ta’ perikli, li xi wħud minnhom huma koperti f’parti oħra f’din it-taqsima.
Din it-taqsima fiha gwida aktar speċifika dwar xi wħud mill-perikli.
3.2 Din it-taqsima fiha gwida aktar speċifika dwar xi wħud mill-perikli.
Għandek dejjem tispezzjoni l-merkanzija f’żona sigura u maħsuba għal dak l-iskop — mhux f’żoni ta’ stivar jew fejn ikun qed isir xogħol ieħor fejn tista’ tkun f’riskju minħabba vetturi jiċċaqalqu. Aħdem ma’ persuna oħra jekk ikun possibbli.
3.3 L-ispezzjonar ta’ kontejners minn barra
- Jekk ikollok bżonn tispezzjona taħt xi kontejner, dan għandu jitqiegħed fuq struttura solida bħal karru skeletali — għalkemm dan għandu jkun marbut ma’ trakk, sabiex ikun evitat li jaqla’ xi daqqa minn vettura oħra.
- Qatt m’għandek tispezzjoni kontejners waqt li jkunu fuq tagħmir ta’ rfigħ bħat-trakkijiet bil-fork-lift jew krejnijiet li jerfgħu u jġorru l-kontejners.
- Is-soqfa tal-kontejners għandhom ikunu spezzjonati permezz ta’ rfid jew, jekk ma jkunx hemm wieħed disponibbli, tas-slielem u l-passaġġi nkorporati jew taraġ separat (ara t-taqsima dwar ix-xogħol fl-għoli).
- M’għandekx tuża slielem li jistgħu jinġarru.
- Oqgħod attent — is-soqfa tal-kontejners jistgħu jkunu jiżolqu.
3.4 Il-ftuħ u l-ispezzjoni minn ġewwa ta’ kontejners u ta’ vetturi li jġorru l-merkanzija
- Aqra t-tikketti li jkun hemm fuq l-oġġetti ta’ ġol-kontejner — jistgħu jkunu perikolużi fihom infushom.
- Dejjem ilbes ilbies protettiv bħal ingwanti u uża kremi ta’ protezzjoni.
- Tippruvax tiftaħ kontejners inti stess ħlief f’każ ta’ emerġenza. Minbarra r-riskji minn oġġetti li jaqgħu minħabba li jkunu ġew stivati ħażin, jista’ jkun għad hemm preżenti fumiganti perikolużi. Żomm ’il bogħod.
- Dawn għandhom ikunu mħatta u mgħobbija mill-ġdid minn impjegati mħarrġa u ta’ esperjenza.
- Tinsiex: ħadd m’għandu jitħalla jieħu riskji għas-sigurtà tiegħu sabiex jagħmel xogħol tajjeb.
- Żomm f’moħħok li jista’ jkun hemm oġġetti fuq il-kontejners, bħal blokki ta’ njam li jkunu qegħdin iżommu xi inċirata f’postha jew, fix-xitwa, saffi ħoxnin ta’ silġ.
- Dejjem assigura ruħek li tista’ tidħol mingħajr periklu — staqsi jekk il-kontejner ġiex ivventilat sabiex joħorġu xi dħaħen perikolużi li jista’ jkun fih. Għandu jkun hemm disponibbli ċertifikat li juri li ma fihx gassijiet perikolużi.
- Jekk tibda tħossok ma tiflaħx, ħalli ż-żona minnufih.
- Oqgħod attent b’mod speċjali fil-każ ta’ kontejners bil-friġġ. Jekk ikunu ġew isseparati mill-vettura, jista’ jkollhom nitroġenu likwidu ppompjat fihom biex it-temperatura tinżamm baxxa.
- Tidħolx f’kontejners jew tispezzjona xi friġġ sakemm ma tkunx ċert li tista’ tagħmel dan mingħajr periklu u tkun taf li l-elettriku jkun ġie iżolat. Kun żgur li l-kollega tiegħek ikun jaf li inti qiegħed hemm ġew.
- M’għandekx tbagħbas fid-dawl. Tista’ inċidentalment taffettwa t-temperatura ta’ ġewwa.
- Il-Ħwejjeġ imdendlin f’boroż tal-plastik jistgħu ma jidhrux perikolużi iżda jistgħu jkunu perikolużi ħafna jekk jaqgħu fuqek — tista’ tifga!
- Jekk ikollok bżonn iċċaqlaq il-kontenut, ħu ħsieb dahrek! Osserva r-regoli rigward kif terfa’ oġġett mingħajr periklu. Għandek tistenna li l-impjegati tal-port iċaqalqu l-oġġetti, ħlief f’każ ta’ emerġenza.
3.5 X’għandi nkun naf aktar?
L-operaturi tas-sit ikollhom ir-regoli tas-sigurtà tagħhom stess, inklużi arranġamenti f’każ ta’ emerġenza (jiġifieri f’każ ta’ nirien u l-ewwel għajnuna). Għandek tkun żgur li dawn l-arranġamenti tkun tafhom u ssegwihom. Tinsiex:
- It-trasportaturi li jerfgħu u jġorru l-kontejners, huma partikolarment perikolużi. Dawn jimxu relattivament bla ħoss u b’veloċità kbira, u s-sewwieqa jkollhom viżjoni limitata ħafna. Għandek iżżomm ’il bogħod sew minnhom. Żomm f’moħħok fejn tkun miexi wkoll.
- M’għandekx timxi qalb ringieli ta’ kontejners jew merkanzija sakemm ma jkunx verament meħtieġ, u bl-approvazzjoni minn qabel tal-operatur biss.
- Tiħux vetturi bil-mutur f’żoni ta’ xogħol f’terminals mingħajr il-permess tal-operatur. Id-dokumenti li jkunu qegħdin jivvjaġġaw mal-kontejner jew mal-vettura għandhom jagħtuk informazzjoni dwar l-oġġetti ta’ ġo fihom. Jekk le, għandu dejjem ikun hemm marki ċari fuq il-kontejner innifsu.
4. X’perikli oħra nista’ niltaqa’ magħhom?
| Periklu | Kontromiżuri |
Perikli li titfixkel f’xi ħaġa
Hemm bosta affarijiet li tista’ titfixkel fihom, pereżempju:
- bċejjeċ tal-injam, faxex tal-azzar, eċċ.;
- pallets u imballaġġ ieħor — sħaħ jew miksura;
- kaxex u ċestuni;
- ħbula tal-irmiġġ, bollards u aċċessorji oħrajn.
|
Osserva sew u oqgħod attent għall-affarijiet li tista’ titfixkel fihom.
- Fejn ikun possibbli qabel ma tibda taħdem neħħi l-oġġetti li jistgħu jfixkluk fiż-żona fejn tkun qed taħdem.
- Oqgħod attent b’mod partikolari għall-ħbula u għall-ħbula tal-irmiġġ qrib it-tarf tal-moll.
|
Uċuħ li jiżolqu
Dawn jistgħu jinkludu strutturi tal-metall bħal:
- passarelli u passaġġi; jew
- tappieri.
Oqgħod attent ukoll għall-merkanzija mxerrda, inklużi:
- l-likwidi;
- l-ħbub;
- iż-żejt;
- is-silġ;
- il-frott, il-ħut, eċċ., imħassar.
|
Oqgħod attent ħafna meta tkun miexi fuq uċuħ li jiżolqu, b’mod partikolari meta jkunu mxarrbin. Dawn jistgħu jinkludu strutturi tal-metall bħal:
- Ix-xedd is-saqajn xieraq inaqqas ir-riskju ta’ żliq.
- Meta jkun possibbli għandu jintuża minnufih sorbent xieraq fuq it-tixrid.
- Meta jkun possibbli dan it-tixrid għandu jitnaddaf qabel ma jitkompla x-xogħol.
|
Postijiet magħluqa:
L-ispazji magħluqa normalment jinstabu fuq il-vapuri, iżda jistgħu jinstabu wkoll fil-baċiri:
- żoni ta’ ħżin u rotot ta’ aċċess għas-sajlos eċċ;
- il-kmamar tal-magni u tal-makkinarji fuq il-krejnijiet portiċi jew tagħmir ieħor għall-immaniġġar tal-merkanzija bħal pereżempju l-conveyors;
- il-containers issiġillati.
Dawn jistgħu joħolqu ħafna perikli differenti, inkluż:
|
Qatt m’għandek tidħol f’post magħluq mingħajr it-taħriġ u t-tagħmir adattat.
- Dejjem għandha titwettaq valutazzjoni tar-riskju u dejjem għandu jinkiseb permess mingħand il-persuna responsabbli qabel ma tidħol f’ebda spazju magħluq.
- Għandu jintuża ossiġenometru u/jew tagħmir ta’ monitoraġġ tal-gass.
- Jista’ jkun meħtieġ apparat tan-nifs jew apparat ta’ emerġenza ta’ sostenn tal-ħajja jekk l-ispazju ma jkunx jista’ jiġi vventilat sew.
|
Post tal-ħżin imkessaħ:
Il-friża kummerċjali tal-ħżin tista’ tinżamm f’temperatura ta’ inqas minn -22 °C.
- L-esponiment f’daqqa jista’ jikkawża xokk.
- L-esponiment fit-tul jista’ jwassal għall-infjammazzjoni bil-ġlata.
|
Għandu jiġi stabbilit pjan ta’ xogħol sikur. Tinsiex ukoll:
- dejjem tavża lil xi ħadd meta tkun se tidħol — biex taċċerta li ma tissakkarx ġewwa;
- tuża tagħmir personali protettiv xieraq;
- tobdi r-regoli tal-iġjene u tas-sigurtà.
|
Il-kontenituri b’pressjoni għolja:
Il-kontenituri b’pressjoni għolja, fosthom il-krietel tal-birra, eċċ., jistgħu jisplodu jekk jinfetħu ħażin.
- L-immaniġġjar aċċidentali jew ħażin ta’ valvoli b’pressjoni għolja jista’ jwassal għal korrimenti permanenti, b’mod partikolari fil-wiċċ jew fis-smigħ.
|
Qatt m’għandek tipprova tiftaħ kontenitur b’pressjoni għolja sakemm ma jkollokx l-għodda u t-taħriġ xierqa.
Uża kuntrattur espert jekk ikun hemm bżonn.
|
Ix-xogħol qrib il-linji ferrovjarji:
Jeżistu perikli oħrajn fis-siti ferrovjarji jew qrib il-linji ferrovjarji.
- Il-ferroviji jistgħu jibdew mexjin mingħajr twissija u, jekk tkun xi ftit ’il bogħod mil-lokomottiva, li ma tagħmilx wisq ħoss
- Anki l-ferroviji li jimxu bil-mod jeħtieġu distanza mhux ħażin biex jieqfu.
- Fiċ-ċentri fejn jinġemgħu l-ferroviji tal-merkanzija, il-vaguni individwali jistgħu jitmexxew fil-pożizzjoni tagħhom mingħajr magna.
- Il-linji elettriċi fl-ajru huma partikolarment perikolużi minħabba li jkollhom vultaġġi għoljin ħafna (25 000 V jew aktar).
|
- Dejjem informa lill-uffiċjali ferrovjarji li qiegħed hemm u tibdiex ix-xogħol sakemm ma jassigurawkx li m’hemmx periklu.
- Dejjem ilbes ilbies ta’ viżibbiltà għolja.
- Uża biss il-postijiet indikati biex taqsam il-linji.
- F’ċerti żoni l-elettriku jkun ipprovdut minn linji kondutturi ta’ vultaġġ għoli. Dawn u l-ilma jew l-oġġetti li jkunu mitluqa ħdejhom għandek tevitahom.
- Aqbeż il-linji u timxix bejniethom.
- Dur mal-vaguni wieqfa u timxix bejniethom.
- Dejjem għandek tassumi li s-sistema kollha hija mixgħula, sakemm ma jgħidlekx uffiċjal ferrovjarju li l-kurrent ikun inqata’.
- Dejjem żomm mill-inqas tliet metri ’l bogħod mit-tagħmir tal-elettriku fl-ajru (dan jinkludi kull biċċa għodda li tkun qed tuża, b’mod partikolari vireg twal jew għodod oħrajn li jintużaw għall-ispezzjoni).
- Jekk ikun hemm xi ħaġa fuq il-wajers jew imdendla magħhom (bħal silġ, wajers, ħbula, eċċ.) tersaqx lejha u rrapportaha minnufih lil xi uffiċjal ferrovjarju.
- Qatt m’għandek taħdem aktar ’il fuq mit-tagħmir tal-linji elettriċi fl-ajru. Il-vagun għandu jitressaq f’żona aktar sikura jew jinqata’ l-kurrent qabel jibda x-xogħol.
|