1. Għal xiex jintuża?
It-tagħmir ta’ monitoraġġ tal-gass huwa maħsub sabiex jindividwa u jwissik dwar atmosferi potenzjalment perikolużi f’postijiet magħluqa. Dawn it-‘twissijiet bikrija’ għandhom jgħinuk tiddeċiedi:
- jekk tistax tidħol fi spazju magħluq mingħajr periklu; u
- jekk l-atmosfera hijiex sigura biżżejjed biex inti tkompli taħdem fiha.
Huwa speċjalment importanti għall-monitoraġġ ta’ sustanzi kimiċi tal-fumigazzjoni meta jkunu qed jiġu spezzjonati jew żvojtati l-kontejners.
Għall-immaniġġjar tal-kontejners iffumigati, ara:
2. X’tipi hemm disponibbli?
Hemm żewġ tipi distinti ta’ tagħmir ta’ monitoraġġ tal-gass disponibbli.
Il-miters tal-ossiġnu: Dawn ikejlu l-perċentwal ta’ ossiġnu fl-atmosfera, li għandu jkun madwar 20.9% tal-arja. Dawn jagħtuk sinjal ta’ twissija li tisimgħu u tarah jekk il-livell:
- jaqa’ taħt id-19% (periklu għall-ħajja); jew
- jaqbeż it-23 % (periklu ta’ nirien/splużjoni).
Dawn jiġu mgħammra b’earphone li tintuża f’żoni storbjużi, aspiratur biex tkun tista’ tieħu kampjun minn ċerta distanza u klipp għall-qadd.
Tinsiex: il-miters tal-ossiġnu jkejlu biss il-livelli tal-ossiġnu — u mhux gassijiet oħrajn.
Il-moniters personali għal diversi gassijiet: Dawn jindividwaw gassijiet perikolużi u fl-istess waqt jimmonitorjaw il-livell ta’ ossiġnu fl-arja. Dawn jipprovdu twissija f’każijiet ta’:
- nuqqas ta’ ossiġnu (inqas minn 19% fl-arja);
- ossiġnu żejjed (aktar minn 23% fl-arja);
- livelli perikolużi ta’ metanu (li jista’ jaqbad u jisplodi); u
- livelli perikolużi ta’ sulfid tal-idroġenu (velenuż u jista’ jaqbad).
3. Kif nużah?
Użah sabiex tittestja l-atmosfera, kemm qabel tidħol f’post magħluq kif ukoll waqt li tkun ġo fih. M’għandekx tidħol f’post magħluq jekk ma jkollokx tagħmir ta’ monitoraġġ tal-gass disponibbli. Meta tkun qed taħdem f’post magħluq, jekk idoqq l-allarm għandek tilbes minnufih l-ELSA tiegħek (l-apparat ta’ emerġenza ta’ sostenn għall-ħajja) u tħalli l-post. Qatt m’għandek tkompli taħdem waqt li tkun liebes l-ELSA.
Tinsiex: it-tagħmir ta’ monitoraġġ tal-gass huwa apparat speċjalizzat ħafna. Għandu jintuża biss minn persuni li jkunu tħarrġu fil-mod kif jintuża.
4. Kif nieħu ħsiebu?
Il-miters tal-ossiġnu
L-istruzzjonijiet dwar il-kura u l-manutenzjoni jkunu pprovduti mal-miters tal-ossiġnu. Għandek issegwihom b’mod strett. Il-miter jaħdem permezz ta’ batterija tal-karbonju taż-żingu, li għandha tipprovdi sa 400 siegħa ta’ użu kontinwu. Meta tingħata twissija ta’ batterija baxxa wieħed għandu jibdel u jqiegħed batterija oħra (tal-istess tip) malli t-twissija tkun attivata.
Il-moniters personali għal diversi gassijiet
Dawn il-moniters huma sensittivi ħafna u għandhom ikunu kkalibrati skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur sabiex jibqgħu effettivi.
L-unità għandha tintbagħat lura lill-manifattur għall-manutenzjoni regolarment.
Huwa rrakkomandat li fil-kwartieri jinżamm reġistru tal-manutenzjoni għal ħames snin.
Tinsiex: QATT m’għandek tipprova tibdel il-batterija waqt li tkun f’post magħluq.