1. Għal xiex jintuża?
It-tagħmir ta’ protezzjoni tal-ġisem huwa primarjament iddisinjat sabiex jipproteġi t-torso, jiġifieri s-sider u ż-żaqq, minn:
- perikli fiżiċi (eż. armi jew vetturi);
- perikli bijoloġiċi (eż. prodotti ta’ ħmieġ tal-bniedem); u
- perikli kimiċi (eż. sustanzi tossiċi jew korrużivi).
Huwa importanti ħafna li tagħżel it-tip adattat ta’ protezzjoni. Il-valutazzjoni tar-riskju tal-maniġer għandha tidentifika liema perikli aktarx li wieħed jista’ jiltaqa’ magħhom.
2. X’tipi huma disponibbli?
L-ilbies b’viżibbiltà għolja: Dan huwa mfassal sabiex jassigura li inti tkun tidher sew meta tkun qed taħdem fit-traffiku, pereżempju f’portijiet jew fit-toroq. Dan l-ilbies jiġi fi tliet forom bażiċi, li kull waħda għandha mwaħħla magħha strixxi fluworexxenti sabiex inti tkun tidher sew jekk ma jkunx hemm ħafna dawl:
- sdieri;
- sdieri bil-kmiem; u
- ġkieket ta’ ¾ tul.
Is-sdieri bil-kmiem fihom strixxi fluworexxenti żejda u huma maħsuba għall-użu fi traffiku li jkun għaddej b’veloċità kbira (eż. minn uffiċjali jew timijiet li jkunu qegħdin jaħdmu f’toroq pubbliċi). L-ilbies kollu ta’ viżibbiltà għolja għandu jissodisfa l-istandard nazzjonali jew l-ekwivalenti Ewropew tiegħu.
L-ilbies sħiħ (coveralls) li jintrema: Dan huwa bħal ġagaga tal-karti maħsuba għan-nies li jkunu qegħdin jittrattaw xi suspett ta’ ħabi intern ta’ drogi (min jaħbi d-droga f’ġismu jew jiblagħha), sabiex inaqqsu r-riskju ta’ infezzjoni minn mikroorganiżmi li jinsabu fil-ħmieġ tal-bniedem (ir-riskju ta’ infezzjoni normalment ikun żgħir jekk l-unitajiet ta’ iżolament tal-kampjuni jintużaw kif suppost). Hemm ukoll disponibbli maskri tal-wiċċ u ngwanti li jintremew wara l-użu.
L-ilbies sħiħ reżistenti għaż-żejt: Dan huwa mfassal sabiex jintuża waqt ix-xogħol f’żoni fejn hemm ħafna żejt/ħmieġ. Dan jipproteġi kemm lil ġismek kif ukoll lill-ħwejjeġ normali tax-xogħol tiegħek.
3. X’inhuma l-limitazzjonijiet tiegħu?
L-ilbies b’viżibbiltà għolja għandu jinżamm nadif jekk tridu jibqa’ effettiv — dan japplika b’mod partikolari għall-istrixxi fluworexxenti.
L-ilbies sħiħ li jintrema huwa mfassal l-aktar sabiex jipproteġi kontra l-perikli bijoloġiċi. Huwa joffri ftit li xejn protezzjoni kontra kimiċi korrużivi.
4. Fejn għandu jintlibes l-ilbies protettiv?
L-ilbies b’viżibbiltà għolja għandu jintlibes f’żoni nieqsa mid-dawl fejn inti tkun f’riskju mill-vetturi għaddejjin (eż. krejnijiet jew trakkijiet bil-fork-lift).
Għandek tilbsu fiż-żoni kollha tal-port sabiex tikkonforma mal-proċeduri tas-saħħa u s-sigurtà. Għandek tilbsu wkoll jekk tkun qed taħdem f’toroq fejn jgħaddu karozzi b’veloċità kbira jew fil-ġenb tagħhom, sabiex tassigura li s-sewwieqa jkunu jistgħu jarawk sew.
Għandek tassigura li tilbes it-tip adattat ta’ lbies b’viżibbiltà għolja.
L-ilbies sħiħ li jintrema għandu jintlibes kull meta tkun qed tittratta l-ħabi intern ta’ drogi (min jaħbi d-droga f’ġismu jew jiblagħha), fejn inti tista’ tkun f’riskju ta’ kontaminazzjoni mill-ħmieġ tal-bniedem.
5. Kif nieħu ħsiebu?
L-ilbies b’viżibbiltà għolja għandu jinżamm nadif billi jintmesaħ regolarment bi sponża mxarrba fl-ilma sħun bis-sapun. Oqgħod partikolarment attent għall-istrixxi fluworexxenti.
L-ilbies sħiħ li jintrema għandu jintrefa’ f’post nadif u xott sakemm jiġi biex jintuża. Ladarba tużah, dan għandu jintrema — iżda tinsiex li aktarx ikun jeħtieġ li jkun ittrattat bħala skart perikoluż. Għandek tqiegħed l-ilbies sħiħ maħmuġ f’borża safra tal-‘iskart kimiku’ sabiex tinġabar għall-inċinerazzjoni minn kumpanija tar-rimi tal-iskart approvata.