L-Oġġetti
Id-Definizzjoni Oġġetti tal-ikel solidi fi frak ipproċessati, bħal trab tal-ħalib xkumat, trab tal-ħalib, dqiq jew zokkor fin tal-ġelu. Sustanza li tikkonsisti f’biċċiet solidi mitħuna, magħmula fi trab, jew imfarrka fin mod ieħor.

Ara l-iskedi speċifiċi għal ‘Il-ġobon’ għat-trab tal-ġobon.

L-oġġetti tal-ikel, trab
Il-kwantità minima rrakkomandata għal kull kampjun Il-kwantità tiddependi mit-tip ta’ trab. Ara l-iskeda speċifika għall-prodott inkwistjoni.
  • Trab tal-ħalib xkumat: 2 kg
  • Trab ieħor: 0.5 kg
L-istandards applikabbli (ISO u Normi tal-UE) u l-leġiżlazzjoni rilevanti
  • EN ISO 707:2008 Ħalib u prodotti tal-ħalib — Il-gwida dwar it-teħid tal-kampjuni.

Għandek tirreferi wkoll għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħek u l-linji gwida nazzjonali tiegħek rigward it-teħid tal-kampjuni.


It-tagħmir meħtieġ
l-għodda ssuġġerita għat-teħid tal-kampjuni skont il-metodu użat
  • Għodda għat-teħid tal-kampjuni f’għamla ta’ lanzetta (S01-01).
  • Għodda għat-teħid tal-kampjuni minn żona speċifika (S02-01).
  • Kazzola għat-teħid tal-kampjuni (S03-01).
  • Spatula tal-istainless steel.
Il-kontenituri li għandhom jintużaw għat-teħid tal-kampjuni Il-kontenituri għandhom ikunu magħmula minn materjal adattat għall-konservazzjoni tal-ikel u jkollhom kapaċità ta’ mill-inqas 2 kg.
  • Boroż tal-plastik, daqsijiet differenti, b’tikketti stampati fuqhom minn qabel jew le (P00).
  • Fliexken tal-plastik, daqsijiet differenti (P02, P03, P04)
Tagħmir għat-tqassim tal-kampjuni:
  • Apparat għat-tqassim fi kwadranti/cross-divider (Metodu ta’ tqassim f’erbgħa).
Il-prekawzjonijiet ta’ sigurtà u l-valutazzjoni tar-riskju Jekk jogħġbok irreferi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħek u l-linji gwida nazzjonali tiegħek dwar is-saħħa u s-sigurtà.

  • Huwa importanti li l-uffiċjali jilbsu l-protezzjoni xierqa għan-nifs minħabba li l-espożizzjoni għat-trab tista’ tikkawża l-ażżma, alveolite allerġika estrinsika (EAA), rinite u konġuntivite, li kollha jistgħu jsiru kroniċi.
  • Għandu jkun hemm rotazzjoni tad-dmirijiet tal-uffiċjali, biex ikun hemm l-inqas espożizzjoni possibbli. Il-maniġers għandhom iżommu rekord bil-miktub sabiex turi l-ammont ta’ ħin li l-uffiċjali jqattgħu fuq il-post.
  • Il-prodotti ta’ oriġini veġetali jista’ jkun fihom it-trab jew ikunu infestati b’sustanzi li jkunu ta’ periklu għas-saħħa: għandek tilbes ilbies adattat approvat skont il-liġi nazzjonali tiegħek dwar is-saħħa u s-sigurtà, inklużi: ingwanti; maskra tal-wiċċ jew protezzjoni għan-nifs; nuċċali ta’ protezzjoni għal għajnejk; elmu; u żarbun tax-xogħol.
  • Meta jkun possibbli, qabel jibda l-ħatt/it-teħid tal-kampjuni, għandha ssir spezzjoni viżwali preliminari tat-tagħbija għal sinjali ta’ infestazzjonijiet ta’ insetti jew parassiti u/jew sinjali ta’ fungus jew moffa. Jekk ikun meħtieġ, għandhom jittieħdu miżuri preventivi addizzjonali sabiex tevita l-inalazzjoni aċċidentali ta’ trab jew spori.
  • Jista’ jkun hemm preżenti fl-arja ammonti sinifikanti ta’ partiċelli tat-trab sospiżi u spiss tiġi ġġenerata l-elettriċità statika meta t-trab jiġi mċaqlaq jew maħżun fi kwantitajiet kbar. Dan jista’ joħloq periklu ta’ nirien jew taħlita splussiva. It-tagħmir kollu għandu jkun intrinsikament sigur u għandek tieħu miżuri sabiex tipprevjeni xi xrar jew sorsi oħrajn ta’ tqabbid. Qabel jibda jieħu l-kampjuni l-uffiċjal għandu jmiss l-istruttura tat-tank mill-inqas metru ’l bogħod minn kwalunkwe punt minn fejn ser jittieħed il-kampjun, sabiex ikun żgur li kwalunkwe ċarġ statika li tkun inġemgħet f’ġismu tiġi skarikata fl-art.
  • Tiħux kampjuni minn strutturi ta’ ħażna waqt li jkunu qegħdin jiġu mimlija jew jitbattlu sakemm ma jkunx hemm punt sigur installat apposta minn fejn wieħed ikun jista’ jieħu l-kampjuni fl-apparat ta’ tbattil: stenna mill-inqas nofs siegħa wara l-ħatt sabiex tagħti ċans liċ-ċarġ elettrostatika titlaq għalkollox.

Il-pjan għat-teħid tal-kampjuni
It-tip ta’ kunsinna Id-deskrizzjoni
Laxka f’vaguni, bl-ingrossa, bawżers jew kontejners Kampjun aggregat wieħed: minn kampjuni inkrementali meħuda f’intervalli regolari waqt li l-kunsinna tkun qiegħda titneħħa jew mill-inqas ħames punti konvenzjonali (waħda fin-nofs u erbgħa f’punti ċentrali bejn iċ-ċentru u t-truf f’diversi fondijiet).
Boroż, bramel Kampjun aggregat wieħed: b’għażla każwali mill-partijiet differenti tal-kunsinna, mill-inqas tliet punti konvenzjonali (wieħed fin-nofs, wieħed fin-naħa ta’ fuq u wieħed fil-qiegħ).

L-informazzjoni ddettaljata
Il-proċedura għat-teħid tal-kampjuni
  • Meta l-prodott ikun ittrasportat laxk u f’massa, it-tagħbija għandha titqies bħala ħaġa sħiħa u l-kampjuni għandhom jittieħdu minn kull parti tat-tagħbija.
  • Il-kampjun rappreżentattiv: il-kampjun għandu jirrappreżenta l-kunsinna kollha. Il-kampjuni inkrementali għandhom jittieħdu mil-lott kollu jew waqt il-proċess sħiħ ta’ tbattil. Il-kwantità minima rrakkomandata għal kull kampjun inkrementali hija 1 kg. Il-kampjuni inkrementali għandhom jiġu mħallta tajjeb sabiex jinħoloq kampjun aggregat. Ara li l-prodott li tiegħu tkun qed tieħu kampjun ma jinbidilx permezz tal-proċess ta’ teħid ta’ kampjuni. It-teħid ta’ kampjuni jista’ jkun problema jekk jiffurmaw kristalli tas-sukrożju (trab tal-ħalib); f’dan il-każ, ħu l-kampjun minnufih wara t-taħlit. Jekk il-prodott ma jkunx omoġeneu, ħu nota ta’ dan fuq il-formola għat-teħid tal-kampjuni.
  • It-teħid tal-kampjuni: huwa essenzjali li t-tagħmir li jkun ser jintuża jkun kompletament xott qabel tibda tieħu l-kampjuni. Metodi differenti japplikaw skont kif it-trab jiġi ttrasportat jew imbattal.
  • Il-massa:
    • Is-sondi orizzontali: is-sondi jiddaħħlu fit-tagħbija bil-fetħa tħares ’l isfel, imbagħad jiddawru 180˚ u jinħarġu bil-mod sabiex jipprovdu kampjuni uniformi tas-sezzjoni sħiħa. F’kull lott, il-kampjuni għandhom jinġabru minn tliet livelli (fuq, fin-nofs, u isfel) u f’punti varji sabiex tkun żgur li l-kampjun aggregat ikun rappreżentattiv.
    • Is-sondi vertikali: is-sondi vertikali għandhom jiddaħħlu bil-kompartiment(i) fejn jidħol il-kampjun magħluq(in). Meta s-sonda tasal fil-fond meħtieġ, il-kompartimenti għandhom jinfetħu u s-sonda tintlewa sabiex tiżgura li l-kompartimenti jimtlew għalkollox. Agħlaq il-kompartimenti u iġbed is-sonda. F’kull lott, il-kampjuni għandhom jittieħdu f’punti diversi tul il-wiċċ u f’diversi fondijiet sabiex tkun żgur li l-kampjun aggregat ikun rappreżentattiv.
  • Il-boroż:
    • Qis il-kunsinna bħala ħaġa sħiħa. Għal kull lott, ħu kampjun minn tliet livelli differenti (fuq, fin-nofs u fil-qiegħ). Ħu kampjuni inkrementali (kull darba li s-sonda tiddaħħal fil-borża) ta’ mill-inqas 10 % tal-oġġetti, dejjem b’mod każwali. Daħħal is-sonda minn fuq għal isfel, imbagħad mejjilha biex timlieha, u żommha mmejla sabiex tkaxkar il-prodott fil-kontenitur li ser jiġbor il-kwantità sħiħa tal-kampjun. Il-kampjun aggregat għandu jkun magħmul mill-kampjuni kollha miġbura flimkien.
  • It-tqassim tal-kampjun: id-daqs ta’ kampjun aggregat jista’ jaqbeż il-100 kg. Għalhekk jeħtieġ li dan tnaqqsu sabiex tikseb il-kampjuni finali. Jekk jogħġbok irreferi għal Is-Sistema ta’ Tqassim tal-Kampjuni.
  • L-ippakkjar tal-kampjuni: il-kampjuni finali għandhom ikunu mill-inqas 2 kg u għandhom ikunu ssiġillati sabiex tevita li jixxottaw. Għandhom jinżammu ’l bogħod mid-dawl tax-xemx dirett.
  • Għal aktar tagħrif irreferi għall-Istandards tal-ISO u r-Regolamenti tal-KE fis-seħħ.
Il-formola għat-teħid tal-kampjuni
  • Imla l-formola għat-teħid tal-kampjuni. Kopja għandha tkun mehmuża mal-kampjuni u oħra għandha tinżamm fir-reġistri.
It-trasport
  • Il-kampjuni għandhom jinżammu f’temperatura ambjentali f’post xott u mperreċ tajjeb. Għandhom ikunu protetti mid-dawl u mill-irwejjaħ, sabiex tevita l-kontaminazzjoni, il-formazzjoni mikrobijoloġika jew sitwazzjonijiet oħrajn li jistgħu jagħmlu ħsara lill-kampjun.
Il-ħażna
  • Il-kampjuni għandhom jinżammu f’temperatura ambjentali f’post xott u mperreċ tajjeb. Għandhom ikunu protetti mid-dawl u mill-irwejjaħ, sabiex tevita l-kontaminazzjoni, il-formazzjoni mikrobijoloġika jew sitwazzjonijiet oħrajn li jistgħu jagħmlu ħsara lill-kampjun.
  • Il-kampjuni li jkunu sejrin jiġu ttestjati għall-kontenut ta’ umdità, jew meta l-kontenut ta’ umdità jista’ jaffettwa l-analiżi għandhom ikunu ppakkjati f’kontenituri mitbuqa sew li ma jħallux arja tgħaddi minnhom. Il-kontenitur għandu jkun kważi mimli sa fuq, u mbagħad issiġillat sabiex tevita kwalunkwe bidla fil-kontenut ta’ umdità.

L-oġġetti tal-ikel, trab (espandi l-lista )
In-Numru tal-HS Id-Deskrizzjoni


Ir-Reviżjonijiet
Il-Verżjoni Id-Data Il-Bidliet
1.0 12.10.2012 L-ewwel verżjoni