L-Oġġetti
Id-Definizzjoni Din l-iskeda tipprovdi l-proċeduri għat-teħid tal-kampjuni għall-oġġetti tal-ikel likwidi f’massa, bħal xorb, spirti, inbid, xiropp taċ-ċikkulata, għasel, keċap, għasel iswed, mustarda, zalza tas-sojja, xiropp taz-zokkor, żjut veġetali, ħall u ilma. Il-komoditajiet imsemmija hawn fuq jistgħu jitqiesu wkoll bħala li għandhom viskożità għolja skont in-natura eżatta tagħhom u/jew it-temperatura tagħhom.

Għall-oġġetti tal-ikel likwidi b’viskożità għolja ara ‘L-oġġetti tal-ikel, likwidi, viskożità għolja’.

Għall-prodotti f’pakketti individwali ara l-iskeda speċifika għal ‘Il-pakketti għall-bejgħ bl-imnut’.

Għall-prodotti tal-ħalib ara l-iskeda speċifika għal ‘Il-prodotti tal-ħalib’.


L-oġġetti tal-ikel, likwidi, viskożità baxxa
Il-kwantità minima rrakkomandata għal kull kampjun 0.5 L jew 0.5 Kg
L-istandards applikabbli (ISO u Normi tal-UE) u l-leġiżlazzjoni rilevanti
  • EN ISO 5555 Xaħmijiet u żjut tal-annimali u veġetali. It-teħid ta’ kampjuni.
  • ISO 11648-1: Aspetti statistiċi tat-teħid tal-kampjuni minn materjal f’massa.
  • ISO 11648-2: Aspetti statistiċi tat-teħid tal-kampjuni minn materjal f’massa.
  • Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 836/2011, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 333/2007 li jistabbilixxi metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-livelli ta’ ċomb, kadmju, merkurju, landa inorganika, 3-MCPD u benzo(a)pyrene fl-oġġetti tal-ikel.
  • Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1882/2006, li jistabbilixxi metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u l-metodi ta’ analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-livelli ta’ nitrati f’ċerti oġġetti tal-ikel.
  • Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/644 tal-5 ta' April 2017 li jistabbilixxi metodi ta' teħid ta' kampjuni u analiżi għall-kontroll tal-livelli ta' diossini, PCBs simili għad-diossini u PCBs mhux simili għad-diossini f'ċerti oġġetti tal-ikel, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 589/2014 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
  • Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 627/2006, li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 2065/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kriterji ta’ kwalità għall-validità ta’ metodi analitiċi għat-teħid ta’ kampjuni, identifikazzjoni u karatterizzazzjoni ta’ prodotti primarji għat-taħwir bl-affumikazzjoni.
  • Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 401/2006, li jistabbilixxi l-metodi tat-teħid ta’ kampjuni u l-metodi ta’ analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-livelli ta’ mikotossini fl-oġġetti tal-ikel.
  • Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1989/2003, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2568/91 dwar il-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa u ż-żejt taż-żebbuġa-pomatika u l-metodi rilevanti tal-analiżi.

Għandek tirreferi wkoll għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħek u l-linji gwida nazzjonali tiegħek rigward it-teħid tal-kampjuni.


It-tagħmir meħtieġ
L-għodda ssuġġerita għat-teħid tal-kampjuni skont il-metodu użat
  • Pompa bil-vakum (L01-01)
  • Kontenituri għall-immersjoni diversi tipi u disinni (L02-01, L02-02, L02-03)
  • Kontenitur bil-pipetta (L03-01)
  • Sassla għat-teħid tal-kampjuni (L04-01)
  • Għodda għat-teħid tal-kampjuni bil-pistun (L05-01)
  • Kontenitur għat-taħlit.
  • Lembut.
Ram u ligi tar-ram m’għandhomx jintużaw.

Il-kontenituri li għandhom jintużaw għat-teħid tal-kampjuni
  • Fliexken tal-ħġieġ (G01)
  • Fliexken tal-plastik, bl-għonq dejjaq, tad-daqs 500–1 000 ml (P01); preferibbilment mhux trasparenti.
  • Kontenituri tal-metall (M01)
Il-kontenituri kollha għandhom ikunu adattati għall-ikel inklużi prodotti aċidużi ħafna.

Il-prekawzjonijiet ta’ sigurtà u l-valutazzjoni tar-riskju Jekk jogħġbok irreferi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħek u l-linji gwida nazzjonali tiegħek dwar is-saħħa u s-sigurtà.

  • Għandek tispezzjona l-prodott qabel tieħu kampjun tiegħu sabiex tivvaluta jekk hemmx oġġetti perikolużi u sabiex tagħti ċans sakemm tinġabar l-MSDS jew l-ADR meħtieġa jekk din tkun disponibbli. Taħt kundizzjonijiet normali l-oġġetti tal-ikel ma joħolqux perikli partikolari għas-saħħa.
  • Oqgħod attent għal xi tikketti ta’ sigurtà.
  • Il-prodotti ta’ oriġini veġetali jistgħu jkunu infestati b’xi sustanzi li jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem.
  • Ilbes ingwanti protettivi u żarbun tas-sigurtà.
  • Ilbes ġagaga li tintrema wara l-użu u elmu tas-sigurtà jew tagħmir ta’ protezzjoni għal widnejk (meta jkunu meħtieġa).
  • Ma tistax tiekol, tixrob jew tpejjep waqt it-teħid tal-kampjuni.
  • Għandek tilbes ħwejjeġ nodfa sabiex tnaqqas ir-riskju li tikkontamina aċċidentalment il-kampjun. Dejjem ħu miżuri ta’ iġjene biex tevita l-kontaminazzjoni. Għandek taħsel idejk qabel tieħu xi kampjun.
  • Għandek tkun konxju dwar u ssegwi kwalunkwe struzzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà fil-valutazzjoni tar-riskju lokali u/jew il-prattiki ta’ ħidma mingħajr periklu għall-post fejn ikun ser jittieħed il-kampjun.
  • Kwalunkwe xogħol li jesponi lill-ħaddiema għar-riskju li jaqgħu mill-għoli għal fuq art stabbli jitqies bħala ‘xogħol fl-għoli’. Għandu jingħata taħriġ u jiġi pprovdut it-tagħmir ta’ protezzjoni xieraq. Is-slielem, il-banketti, il-pjattaformi u l-poġġamani għandhom jinżammu f’kundizzjoni strutturali sigura u jiġu spezzjonati b’mod regolari minn persunal kompetenti. Jekk it-teħid tal-kampjuni jkun jeħtieġ li tidħol fi spazju fuq nett ta’ xi tank, għandhom ikunu preżenti mill-inqas żewġ persuni mgħammra b’tagħmir ta’ protezzjoni personali xieraq.
  • Likwidi u fwar li jaqbdu (eż. etanol ikkonċentrat): għandhom jittieħdu prekawzjonijiet ta’ protezzjoni kontra t-tqabbid mill-elettriċità statika.

    It-tikkettar ta’ prodotti tipiċi skont is-CLP/GHS:

    etanol ikkonċentrat, H225, P210

Il-pjan għat-teħid tal-kampjuni
It-tip ta’ kunsinna Id-deskrizzjoni
Kunsinni għall-approvazzjoni mid-dwana Il-kampjun aggregat jikkonsisti minn numru xieraq ta’ kampjuni inkrementali. Kampjun wieħed normalment jitqies li jirrappreżenta l-oġġetti koperti mill-istess dikjarazzjoni tad-dwana.
Kunsinni għall-PAK (rifużjonijiet ta’ esportazzjoni) jew il-kontroll tas-sisa Il-kampjun aggregat jikkonsisti f’numru xieraq ta’ kampjuni inkrementali. L-għadd minimu ta’ kampjuni inkrementali huwa deskritt hawn taħt. Jekk il-kunsinna tkun tikkonsisti f’oġġetti li jkunu ġejjin minn linja ta’ produzzjoni waħda (in-numru tal-lott ikun identiku) jistgħu jittieħdu inqas kampjuni.
Tankijiet weqfin fuq l-art, tankijiet mimdudin fuq l-art, tankijiet fuq bastimenti, vaguni jew karozzi Kampjun aggregat wieħed jew aktar: minn mill-inqas tliet punti konvenzjonali (min-naħa ta’ fuq, tan-nofs u t’isfel) f’kull lott jew f’intervalli stabbiliti waqt il-ħatt. Aktar kampjuni aggregati jistgħu jinħolqu minn kontenituri li jkun fihom prodotti jew lottijiet differenti.
Pakketti, btieti, ċilindri, kaxxi, bottijiet, boroż u fliexken żgħar Kampjun aggregat wieħed jew aktar: għandek tagħżel numru adattat ta’ unitajiet kompletament b’mod każwali jew b’mod sistematiku mill-kunsinna. Jistgħu jinħolqu aktar kampjuni aggregati minn kontenituri li jkun fihom prodotti jew lottijiet differenti.
Ikel likwidu li jkun qed jiġi mċaqlaq Kampjun aggregat wieħed: minn kampjuni inkrementali tul il-wisgħa kollha tal-fluss, b’intervalli ddeterminati skont il-veloċità li biha jkun għaddej il-prodott.

L-informazzjoni ddettaljata
Il-proċedura għat-teħid tal-kampjuni
  • Meta l-prodott ikun ittrasportat mhux f’pakketti u f’massa, it-tagħbija għandha titqies bħala ħaġa sħiħa u l-kampjuni għandhom jittieħdu minn kull parti tat-tagħbija.
  • Il-kampjuni jittieħdu wara t-tagħbija jew qabel it-tbattil. Jista’ jintuża kampjun minn kull livell, kampjun ġieri, kampjun minn fuq, min-nofs u minn isfel, jew kampjun minn post partikolari f’livelli miftiehma għat-teħid ta’ kampjuni.
  • Il-kampjun rappreżentattiv: il-kampjun għandu jirrappreżenta l-kunsinna kollha. Għandhom jittieħdu kampjuni inkrementali tul il-lott kollu jew tul il-proċess kollu ta’ tbattil. Il-kampjuni inkrementali għandhom jitħalltu tajjeb sabiex joħolqu l-kampjun aggregat. Kun żgur li l-prodott li tiegħu tkun qed tieħu kampjun ma jinbidilx bil-proċess tat-teħid tal-kampjuni.
  • It-teħid ta’ kampjuni: jistgħu jintużaw metodi differenti skont kif il-likwidi b’viskożità baxxa jiġu ttrasportati jew imbattla wara t-trasport.
    • It-tankijiet weqfin fuq l-art: Ħu kampjun separat ta’ kull tank. Ara jekk hemmx xi sedimenti jew xi saff ta’ emulsjoni jew xi ilma fil-qiegħ tat-tank permezz ta’ għodda li tista’ tieħu kampjuni mill-qiegħ u/jew apparat li jsib l-ilma. Ikun aħjar, safejn ikun possibbli, li tbattal dan l-ilma qabel tieħu l-kampjun, u li tkejjel l-ammont li tkun neħħejt. Huwa essenzjali li l-prodott kollu jkun omoġeneu kemm jista’ jkun. L-għodda li tieħu l-kampjuni għandha titniżżel mill-bokka tat-tank sal-fond mixtieq, imbagħad din tinfetaħ u tinżamm f’dik il-pożizzjoni sakemm timtela, u fl-aħħar tittella’ lura ’l fuq. Tista’ tintuża wkoll pompa bil-vakum, jekk il-fond minn fejn irid jittieħed il-kampjun ma jkunx ta’ aktar minn 4 m. Għandek tieħu kwantitajiet indaqs ta’ kampjuni primarji minn fuq, min-nofs u mill-qiegħ. Tista’ tuża wkoll għodda li tieħu kampjuni mil-livelli kollha biex tieħu kampjuni mit-tankijiet. Il-kampjuni primarji mill-punti/livelli kollha tal-prodott jinġabru f’kontenitur tat-taħlit, u wara li jitħalltu sew, jinħoloq kampjun aggregat.
    • It-tankijiet ta’ bastimenti: Normalment it-teħid tal-kampjuni jsir waqt it-trasferiment permezz ta’ vit. Inkella, jekk il-kapaċità totali tal-bastiment li jkun qed iġorr tagħbija likwida tinqasam f’ċertu numru ta’ ġibjuni indipendenti (sezzjonijiet, kompartimenti), possibbilment ta’ daqsijiet differenti, ħu kampjun separat minn kull ġibjun indipendenti. Il-proċeduri għat-teħid tal-kampjuni u l-iffurmar ta’ kampjuni aggregati huma bħal dawk deskritti hawn fuq (ara It-Tankijiet Weqfin fuq l-Art). Kampjuni indipendenti għandhom jittieħdu minn kull parti tal-ġibjun indipendenti. Jekk tkun ċert li l-ġibjuni indipendenti kollha tal-bastiment fihom l-istess prodott (tal-istess kwalità), tista’ tifforma kampjun aggregat għall-bastiment kollu billi tgħaqqad il-kampjuni primarji li tkun ġbart mill-ġibjuni indipendenti kollha.
    • It-tankijiet vaguni jew ta’ karozzi u t-tankijiet mimdudin: ikun aħjar jekk il-kampjuni jittieħdu malli t-tankijiet ikunu mtlew. Uża l-proċedura deskritta hawn fuq (ara It-Tankijiet Weqfin fuq l-Art). Jekk il-kampjuni primarji ma jkunux jistgħu jittieħdu minnufih wara li t-tankijiet ikunu mtlew, agħmel prova preliminarja biex tara hemmx ilma fil-qiegħ. Battal kwalunkwe ilma li ssib u kejjel l-ammont tiegħu. Ħu kampjun billi tuża l-proċedura deskritta hawn fuq (ara It-Tankijiet Weqfin fuq l-Art).
    • It-tankijiet bil-miżien: ikun aħjar jekk il-kampjuni jittieħdu malli t-tankijiet ikunu mtlew, billi tieħu kampjun mill-parti ċentrali. Jekk it-tank ikun magħluq, ħu kampjun minn vit orizzontali. Jekk ikun hemm xi ttardjar, uża l-proċedura deskritta hawn fuq (ara It-Tankijiet Weqfin fuq l-Art).
    • Il-btieti, iċ-ċilindri: għandek tagħżel numru xieraq ta’ unitajiet mill-kunsinna b’mod każwali jew sistematiku. Huwa essenzjali li l-prodott ikun omoġeneu kemm jista’ jkun. Qabel tieħu l-kampjun, ħawwad il-kontenut sew b’idejk jew b’xi magna u ħu kampjun min-nofs. Kwantitajiet ugwali ta’ kampjuni primarji jittieħdu mill-unitajiet differenti u jinġabru f’kontenitur tat-taħlit. Wara li tħallathom tajjeb, jinħoloq kampjun aggregat.
    • Il-pakketti żgħar: għandek tagħżel numru xieraq ta’ unitajiet mill-kunsinna b’mod każwali jew sistematiku. Għal aktar tagħrif jekk jogħġbok irreferi għall-iskeda dwar it-teħid ta’ kampjuni għal ‘Il-Pakketti għall-Bejgħ bl-Imnut’.
  • L-ippakkjar tal-kampjuni: imla l-kontenituri kważi sa fuq, sabiex tħalli ftit arja fil-wiċċ għall-espansjoni u mbagħad agħlaqhom tajjeb biex ma toħroġx l-umdità. Għandek tevita li tħallihom fid-dawl tax-xemx dirett.
  • Għal aktar tagħrif irreferi għall-Istandards tal-ISO u r-Regolamenti tal-KE fis-seħħ.
Il-formola għat-teħid tal-kampjuni
  • Imla l-formola għat-teħid tal-kampjuni. Kopja għandha tkun mehmuża mal-kampjuni u oħra għandha tinżamm fir-reġistri.
It-trasport
  • Il-kampjuni għandhom jinżammu f’post xott u mperreċ. Għandek tipproteġihom mid-dawl u mill-irwejjaħ sabiex tevita l-kontaminazzjoni, formazzjonijiet mikrobijoloġiċi jew sitwazzjonijiet oħrajn li jagħmlu ħsara lill-kampjun.
  • Jekk ikun meħtieġ żommhom imkessħin. Il-katina ta’ tkessiħ għandha tinżamm u għandha tkun irreġistrata.
Il-ħażna
  • Il-kampjuni għandhom jinżammu f’post xott u mperreċ. Għandek tipproteġihom mid-dawl u mill-irwejjaħ sabiex tevita l-kontaminazzjoni, formazzjonijiet mikrobijoloġiċi jew sitwazzjonijiet oħrajn li jagħmlu ħsara lill-kampjun.
  • Jekk ikun meħtieġ żommhom imkessħin (spirtu kkonċentrat). Il-katina ta’ tkessiħ għandha tinżamm u għandha tkun irreġistrata.
  • Il-kampjuni li jkunu sejrin jiġu ttestjati għall-kontenut ta’ umdità jew meta l-kontenut ta’ umdità jista’ jaffettwa l-analiżi għandhom ikunu ppakkjati f’kontenituri mitbuqa sew li ma jħallux arja tgħaddi minnhom. Il-kontenitur għandu jkun kważi mimli sa fuq, u mbagħad issiġillat sabiex tevita kwalunkwe bidla fil-kontenut ta’ umdità.

L-oġġetti tal-ikel, likwidi, viskożità baxxa (espandi l-lista)
In-Numru tal-HS Id-Deskrizzjoni


Ir-Reviżjonijiet
Il-Verżjoni Id-Data Il-Bidliet
1.0 12.10.2012 L-ewwel verżjoni