L-Oġġetti
Id-Definizzjoni Din l-iskeda tista’ tintuża għat-teħid ta’ kampjuni ta’ butir, żejt tal-butir u xaħam tal-butir u prodotti oħrajn tal-ħalib li jkunu qishom pejst bħal butir maħlul. Il-butir huwa prodott tal-ħalib magħmul bit-taħwid ta’ ħalib frisk jew krema ffermentata. Ix-xaħam tal-butir jew ix-xaħam tal-ħalib huwa l-porzjon xaħmi tal-ħalib.

Għal prodotti oħrajn tal-ħalib ara l-iskedi speċifiċi għal ‘Il-ġobon’ u ‘Il-prodotti tal-ħalib’.

Għall-prodotti f’pakketti individwali ara l-iskeda speċifika għal ‘Il-pakketti għall-bejgħ bl-imnut’.

Il-butir u x-xaħam tal-butir
Il-kwantità minima rrakkomandata għal kull kampjun 0.5 kg
L-istandards applikabbli (ISO u Normi tal-UE) u l-leġiżlazzjoni rilevanti
  • EN ISO 707 Ħalib u prodotti tal-ħalib — Il-gwida dwar it-teħid ta’ kampjuni.
  • Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2535/2001, l-Artikolu 40 u l-Anness IV (għall-butir li jkun ġej minn New Zealand).

Għandek tirreferi wkoll għal-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-linji gwida nazzjonali tiegħek rigward it-teħid tal-kampjuni.


It-tagħmir meħtieġ
L-għodda għat-teħid tal-kampjun issuġġerita skont il-metodu użat
  • Għodda għat-teħid tal-kampjuni f’għamla ta’ pipetta (L03-01)
  • Għodda għat-teħid tal-kampjuni bil-pistun (L05-01)
  • Wajer bix-xfafar.
  • Spatula tal-istainless steel.
  • Għodda ġenerali: sikkina, mannara tal-istainless steel, kuċċarun, eċċ.
Il-kontenituri li għandhom jintużaw għat-teħid tal-kampjun
  • Boroż tal-plastik, disinni u qisien differenti (P00)
  • Fliexken tal-plastik, b’bokka wiesgħa, daqs 500-1 000 ml (P03, P04), Preferibbilment mhux trasparenti.
  • Fojl tal-aluminju sabiex jipproteġi l-kampjun mid-dawl.
  • Film plastiku trasparenti jew plastik li tgeżwer l-ikel fih sabiex il-prodott ma jinxifx.
Il-prekawzjonijiet tas-sigurtà u l-valutazzjoni tar-riskju Jekk jogħġbok irreferi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-linji gwida nazzjonali tiegħek dwar is-saħħa u s-sigurtà.

  • Taħt kundizzjonijiet normali l-oġġetti tal-ikel ma jippreżentawx riskji partikolari għas-saħħa.
  • Oqgħod attent għal kwalunkwe tikketta dwar is-sigurtà.
  • Ilbes ingwanti protettivi u żraben tas-sigurtà.
  • Ilbes ġagaga li tintrema wara l-użu u elmu tas-sigurtà jew tagħmir protettiv għal widnejk (meta jkun meħtieġ).
  • Ma tistax tiekol, tixrob jew tpejjep waqt li tieħu l-kampjun.
  • Għandek tilbes ħwejjeġ nodfa sabiex tnaqqas ir-riskju li tikkontamina l-kampjun b’mod aċċidentali. Dejjem ħu miżuri tal-iġjene sabiex tevita l-kontaminazzjoni. Għandek taħsel idejk qabel ma tieħu l-kampjun.
  • Għandek tkun konxju dwar u ssegwi kwalunkwe struzzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà fil-valutazzjoni lokali tar-riskju u/jew il-prattiki tax-xogħol mingħajr periklu għall-post fejn tkun ser tieħu l-kampjun.

Il-pjan għat-teħid tal-kampjuni
It-tip ta’ kunsinna Id-deskrizzjoni
Kunsinni għall-approvazzjoni mid-dwana Il-kampjun aggregat jikkonsisti minn numru xieraq ta’ kampjuni inkrementali. Kampjun wieħed ġeneralment jitqies li jirrappreżenta l-oġġetti koperti mill-istess dikjarazzjoni tad-dwana.
Kunsinni għall-PAK (rifużjonijiet ta’ esportazzjoni) Il-kampjun aggregat jikkonsisti f’numru xieraq ta’ kampjuni inkrementali. L-għadd minimu ta’ kampjuni inkrementali huwa deskritt hawn taħt. Jekk il-kunsinna tkun tikkonsisti f’oġġetti li jkunu ġejjin minn linja ta’ produzzjoni waħda (in-numru tal-lott ikun identiku) jistgħu jittieħdu inqas kampjuni.
Prodotti solidi u qishom pejst ippakkjati f’kartun jew prodotti likwidi ppakkjati f’bottijiet Kampjun(i) aggregat(i) wieħed jew aktar: minn kampjuni inkrementali meħuda b’għażla każwali jew b’mod sistematiku skont il-piż tal-pakkett. Jistgħu jinħolqu aktar kampjuni aggregati minn kontejners li jkun fihom prodotti jew lottijiet differenti.
Butir li ġej minn New Zealand Il-kampjuni minn dan il-butir għandhom jittieħdu skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2535/2001, Artikolu 40 u Anness IV.
Blokki ffriżati Ma jistgħux jittieħdu kampjuni minn blokki ffriżati ta’ butir jew xaħam. Għandek tieħu blokki sħaħ bħala kampjuni għal-laboratorju, filwaqt li tħallihom jinħallu bil-mod f’temperatura ta’ mhux aktar minn 5 °C.

L-informazzjoni ddettaljata
Il-proċedura għat-teħid tal-kampjuni Il-kummenti ġenerali:
  • Dejjem ikun aħjar jekk tieħu pakketti sħaħ ta’ butir u xaħam tal-butir bħala kampjuni u t-tħaffir jew teħid ta’ kampjuni b’mod ieħor mhuwiex irrakkomandat. Jekk ma jkunx realistiku li tieħu pakketti sħaħ, uża għodda xierqa biex taqsam f’biċċiet.
  • Il-parametru kritiku għall-analiżi huwa l-kontenut ta’ umdità. Jekk ma jkunx possibbli li tieħu pakketti sħaħ magħluqa, għandek tieħu kull prekawzjoni possibbli sabiex tevita bidla fil-kontenut ta’ umdità kemm permezz tal-kondensazzjoni kif ukoll bl-evaporazzjoni. Il-kampjuni għandhom ikunu mgeżwra minnufih fil-film plastiku trasparenti tat-tgeżwir u mqiegħda f’żewġ boroż qabel jiġu ssiġillati. Fil-laboratorju jittieħed kampjun rappreżentattiv skont l-EN ISO 707.
  • Għal aktar tagħrif irreferi għall-Istandards tal-ISO u r-Regolamenti tal-UE fis-seħħ.
Il-kaxxi li jkun fihom pakketti ta’ inqas minn 25 gramma:
  • Għandek tieħu żewġ pakketti minn kull kaxxa minn minimu ta’ 10 kaxxi differenti. Meta n-numri tal-lott ikunu stampati fuq il-pakkett, għandek tagħżel kemm-il numru differenti ta’ lottijiet kemm tista’.
  • Ipprepara ż-żewġ kampjuni finali billi tiġbor flimkien pakkett minn kull kaxxa.
Il-kaxxi li jkun fihom pakketti jew bottijiet ta’ 2kg jew inqas:
  • Għandek tieħu żewġ pakketti jew bottijiet minn minimu ta’ tliet kaxxi differenti. Meta n-numri tal-lott ikunu stampati fuq il-pakkett, għandek tagħżel kemm-il numru differenti ta’ lottijiet kemm tista’.
  • Ipprepara ż-żewġ kampjuni finali billi tqiegħed pakkett butir minn kull kaxxa f’borża tal-plastik.
Il-pakketti jew il-bottijiet b’kontenut ta’ aktar minn 2 kg:
  • Għandek tagħżel tliet pakketti biex toħloq kampjun rappreżentattiv. Meta n-numri tal-lott ikunu stampati fuq il-pakkett, għandek tagħżel kemm-il numru differenti ta’ lottijiet kemm tista’.
  • Fejn ma jkunx prattiku li tieħu pakketti sħaħ bħala kampjuni jekk jogħġbok ikkonsulta mal-laboratorju tiegħek.
Il-kaxxi jew il-bottijiet b’kontenut ta’ 25kg jew aktar:
  • Jekk ikun possibbli għandek tagħżel l-istess proċedura għat-teħid tal-kampjuni użata għall-kaxxi jew il-bottijiet ta’ aktar minn 2 kg. Meta n-numri tal-lott ikunu stampati fuq il-pakkett, għandek tagħżel kemm-il numru differenti ta’ lottijiet kemm tista’ .
  • Aqta’ b’sikkina kubu ta’ 2 kg ta’ butir minn kull pakkett u qiegħdu fil-film plastiku trasparenti u f’borża tal-plastik doppja li tista’ tiġi ssiġillata.
  • Irrapporta lil-laboratorju tad-dwana l-metodu użat biex ħadt il-kampjun. Fil-laboratorju jitħejjew żewġ kampjuni finali rappreżentattivi minn dan il-kampjun skont l-EN ISO 707.
Il-formola għat-teħid tal-kampjuni
  • Imla l-formola għat-teħid tal-kampjun. Kopja għandha tkun mehmuża mal-kampjuni u kopja oħra għandha tinżamm fir-reġistri.
It-trasport
  • Ipproteġi l-kampjuni mid-dawl u mill-kuntatt mal-arja (inxif).
  • Ipproteġi l-kampjuni minn sorsi ta’ kontaminazzjoni (irwejjaħ, likwidi, sustanzi oħrajn, tkabbir mikrobijoloġiku, eċċ.).
  • Il-kampjuni għandhom ikunu ttrasportati fi friġġ.
  • Il-prodotti ffriżati preferibbilment għandhom ikunu ttrasportati fi friża. Inkella, dawn jistgħu jkunu ttrasportati fi friġġ. Ara li l-kampjuni ma jinħallux waqt it-trasport. Il-katina ta’ tkessiħ għandha tinżamm u għandha tkun irreġistrata.
Il-ħażna
  • Ipproteġi l-kampjuni mid-dawl u mill-kuntatt mal-arja (inxif).
  • Ipproteġi l-kampjuni minn sorsi ta’ kontaminazzjoni (irwejjaħ, likwidi, sustanzi oħrajn, tkabbir mikrobijoloġiku, eċċ.).
  • Il-kampjuni għandhom jinħażnu f’temperatura friska, preferibbilment f’temperatura ta’ bejn il-1 sa 5 °C; għad-dettalji ara l-EN ISO 707. Il-katina ta’ tkessiħ għandha tinżamm u preferibbilment għandha tkun irreġistrata.
  • Iffriża fit-tul f’każ li tkun meħtieġa azzjoni kontinwa.
  • Il-prodotti ffriżati għandhom jinħażnu fi friża. Il-katina ta’ tkessiħ għandha tinżamm u għandha tkun irreġistrata.

Il-butir u x-xaħam tal-butir (espandi l-lista )
In-Numru tal-HS Id-Deskrizzjoni


Ir-Reviżjonijiet
Il-Verżjoni Id-Data Il-Bidliet
1.0 12.10.2012 L-ewwel verżjoni