L-Oġġetti
Id-Definizzjoni Prodotti tax-xema’ li huma pejsts jew solidi ferm viskużi, bħall-vażelina, xema’ tal-paraffina, xema’ tal-pitrolju mikrokristallina, xema’ tan-naħal jew bitum.

Ix-xema’
Il-kwantità minima rrakkomandata għal kull kampjun 0.25 kg
L-istandards applikabbli (ISO u Normi tal-UE) u l-leġiżlazzjoni rilevanti
  • EN ISO 3170 Likwidi taż-żejt mhux raffinat — It-teħid manwali ta’ kampjuni.
  • EN ISO 3171 Likwidi taż-żejt mhux raffinat — It-teħid awtomatiku ta’ kampjuni bil-pajpijiet.

Għandek tirreferi wkoll għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħek u l-linji gwida nazzjonali tiegħek rigward it-teħid tal-kampjuni.


It-tagħmir meħtieġ
L-għodda ssuġġerita għat-teħid tal-kampjuni skont il-metodu użat
  • Għodda għat-teħid tal-kampjuni bil-pistun (L05-01)
  • Għodda għat-teħid tal-kampjuni f’għamla ta’ trabuxù (S04-01)
  • Għodda għat-teħid ta’ kampjuni f’għamla ta’ trapan żgħir (E02-01)
  • Spatula (tal-metall).
Il-kontenituri li għandhom jintużaw għat-teħid tal-kampjuni
  • Kontenituri tal-metall (M01)
  • Fliexken tal-ħġieġ (G01)
  • Fliexken tal-plastik tal-polipropilene (P03 jew P04)
Il-prekawzjonijiet ta’ sigurtà u valutazzjoni tar-riskju Jekk jogħġbok irreferi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħek u l-linji gwida nazzjonali tiegħek dwar is-saħħa u s-sigurtà. Ara l-MSDS jew l-ADR jekk ikunu disponibbli.

  • Ilbes ingwanti protettivi u nuċċali ta’ protezzjoni.
  • Oqgħod attent għas-sinjali tas-sigurtà.
  • L-uffiċjali li jkunu qegħdin jieħdu l-kampjuni għandhom ikunu konxji u jsegwu kwalunkwe struzzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà fil-valutazzjoni lokali tar-riskju u/jew il-prattiki ta’ xogħol mingħajr periklu għall-post fejn ikunu sejrin jieħdu l-kampjuni.
  • Ix-xema’ tista’ tkun ippreżentata f’forma ta’ trab (fin). Biex ma tiblax it-trab fin, ilbes maskra adattata kontra t-trab.
  • Taħt il-kundizzjonijiet normali tal-użu, ix-xema’ ma tippreżentax xi perikli partikolari għas-saħħa ħlief meta tkun sħuna. Ix-xema’ li tkun solida f’temperaturi ambjentali tista’ tiġi ttrasportata f’temperaturi għolja (attent għat-temperaturi ta’ 50–70 °C) sabiex it-tagħbija jew il-ħatt mit-tankijiet ikun aktar faċli. Hemm riskju ta’ ħruq tal-ġilda u ħsara fl-għajnejn jekk l-isprej jagħli jiġi f’kuntatt mal-membrani mukużi tal-għajnejn.
  • Jekk il-prodott jaħraq jiġi f’kuntatt mal-ġilda, il-parti affettwata għandha tixxarrab jew titlaħlaħ b’ħafna ilma kiesaħ sabiex tkessaħha. Imbagħad għatti l-parti bit-tajjar jew b’garża u ħu parir mediku minnufih.
  • Tippruvax tneħħi l-prodott jaħraq minn fuq il-ġilda jew tneħħi ħwejjeġ li jkunu weħlu mal-ġilda minħabba l-prodott.
  • Jekk itir il-prodott jagħli fuqek, aħsel minnufih b’ħafna ilma kiesaħ biex ittaffi l-ħruq u ħu parir mediku minnufih.
  • Materjal b’riskju baxx li jaqbad. Il-prodott jista’ jifforma taħlitiet li jaqbdu u jinħaraq biss jekk jissaħħan aktar mill-punt meta jaqbad tiegħu. Madankollu, il-preżenza ta’ kwantitajiet żgħar ta’ idrokarboni aktar volatili jistgħu jkabbru dan ir-riskju.
  • Proprjetajiet tipiċi: punt meta jaqbad > 200 °C, punt meta jagħli > 300 °C.
Għall-prekawzjonijiet ġenerali, ara EN ISO 3170.
  • Kwalunkwe xogħol li jesponi lill-ħaddiema għar-riskju li jaqgħu mill-għoli għal fuq art stabbli jitqies bħala ‘xogħol fl-għoli’. Għandu jingħata taħriġ u jiġi pprovdut it-tagħmir ta’ protezzjoni xieraq.
  • Is-slielem, il-banketti, il-pjattaformi u l-poġġamani għandhom jinżammu f’kundizzjoni strutturali sigura u jiġu spezzjonati b’mod regolari minn persunal kompetenti.
  • Tiħux kampjuni f’maltemp bis-sajjetti jew bis-silġ.
  • It-tagħmir kollu meħtieġ għat-teħid tal-kampjuni għandu jkun ittrasportat kif xieraq.
  • Għandu jintuża basket jew kontenitur adattat sabiex iġġorr il-kampjuni sabiex ikollok id waħda libera.
  • Il-kontenitur tal-kampjuni m’għandux jimtela sa aktar minn 90% tal-kapaċità tiegħu.
  • Jekk it-teħid tal-kampjuni jkun jeħtieġ li tidħol fi spazju fuq nett ta’ xi tank, għandhom ikunu preżenti mill-inqas żewġ persuni mgħammra b’tagħmir ta’ protezzjoni personali xieraq.
  • Dejjem ħu l-kampjuni f’dawl adegwat.
  • Kull apparat ta’ dawl jew torċ għandu jkun intrinsikament sigur.

Il-pjan għat-teħid tal-kampjuni
It-tip ta’ kunsinna Id-deskrizzjoni
Mhux ippakkjata, f’tankijiet, bawżers, vaguni, ċilindri, tankijiet ta’ karozzi — imsaħħna Kampjun aggregat wieħed jew aktar: minn kampjuni inkrementali (tlieta jew aktar) meħuda minn mill-inqas tliet fondijiet differenti: madwar 15% mill-qiegħ, min-nofs u madwar 15% mill-wiċċ ta’ fuq tal-prodott f’kull lott. Iċċekkja l-omoġeneità tal-lott —jekk għandek xi dubju dwar l-omoġeneità tiegħu, ħu aktar kampjuni inkrementali. Jistgħu jinħolqu aktar kampjuni aggregati minn kontenituri li jkun fihom prodotti jew lottijiet differenti.

Mhux ippakkjata, f’bawżers, vaguni ċilindri, tankijiet ta’ karozzi — mhux imsaħħna (temperatura ambjentali) Kampjun aggregat wieħed jew aktar: Jekk il-prodott ikun fil-forma ta’ pejst kremuż jew pejst iebes, ħu mill-inqas ħames kampjuni inkrementali (wieħed fin-nofs u erbgħa fin-nofs ta’ bejn iċ-ċentru u l-quċċati) f’kull lott. Iċċekkja l-omoġeneità tal-lott— jekk għandek xi dubju dwar l-omoġeneità tiegħu, ħu diversi kampjuni inkrementali. Aktar kampjuni aggregati jistgħu jinħolqu minn kontenituri li jkun fihom prodotti jew lottijiet differenti.

Btieti, ċestuni, kontenituri żgħar — imsaħħna /mhux imsaħħna Kampjun aggregat wieħed jew aktar: numru xieraq ta’ kampjuni inkrementali (tlieta jew aktar) għandu jintgħażel b’mod kompletament każwali mil-lott. Iċċekkja l-omoġeneità tal-lott— jekk għandek xi dubju dwar l-omoġeneità tiegħu, ħu diversi kampjuni inkrementali. Aktar kampjuni aggregati jistgħu jinħolqu minn kontenituri li jkun fihom prodotti jew lottijiet differenti.

Massa mċaqalqa b’konvejer jew fluss ta’ prodott ieħor waqt il-mili jew it-tbattil Kampjun aggregat wieħed: kampjuni inkrementali jittieħdu tul il-wisgħa kollha tal-fluss, f’intervalli ddeterminati mill-veloċità taċ-ċaqliq.

L-informazzjoni ddettaljata
Il-proċedura għat-teħid tal-kampjuni
  • Għall-prodotti f’massa fi stat likwidu f’temperaturi ambjentali: qabel tieħu l-kampjun, tella’ kwantità xierqa ta’ prodott, li mbagħad terġa’ titqiegħed lura fit-tank wara li tlesti, sabiex tipprepara ċ-ċirkwit u l-valv tal-apparat. Jekk it-tank ikun ilu żmien twil ma jintuża, hija prattika tajba li wieħed jerġa’ jiċċirkola l-prodott qabel jieħu l-kampjuni.
  • Għall-prodotti f’massa fi stat solidu f’temperaturi ambjentali: fejn ikun possibbli saħħan il-prodott sabiex iġġibu likwidu u mbagħad, wara li tomoġenizza l-kunsinna, kompli kif deskritt hawn fuq.

    Jekk il-prodott ma jistax jissaħħan u jkun fil-forma ta’ pejst kremuż, uża għodda li ttaqqab jew kikkra għat-teħid tal-kampjuni sabiex tieħu diversi kampjuni f’diversi pożizzjonijiet u fondijiet fil-massa, sabiex tkun żgur li l-kampjun ikun rappreżentattiv biżżejjed. Wara li tieħu l-kampjuni mill-massa, ipprepara l-kampjun kompost f’barmil tal-metall billi tħawdu tajjeb bl-ispatula tal-metall u tippakkja l-kampjuni f’bottijiet jew bramel tal-metall.

    Jekk il-prodott ikun fil-forma ta’ pejst iebes, uża għodda li ttaqqab sabiex tieħu diversi kampjuni f’diversi pożizzjonijiet u fondijiet fil-massa, sabiex tkun żgur li l-kampjun ikun rappreżentattiv biżżejjed. Wara li tieħu l-kampjuni mill-massa, ipprepara l-kampjun kompost f’barmil apposta billi tkisser u tħallat il-biċċiet tal-prodott bl-ispatula tal-metall u mbagħad ippakkja l-kampjuni fil-kontenituri xierqa.
  • Għall-prodotti msaħħna fi stat likwidu minn tank, bawżer, vagun jew btieti msaħħna insulati: ħu l-kampjun mill-viti msaħħna insulati barra t-tank jew, jekk ma jkunx hemm wieħed, uża flixkun tal-metall b’bokka wiesgħa. Il-kampjuni għandhom jittieħdu minn mill-inqas tliet livelli: madwar 15% mill-qiegħ, min-nofs u madwar 15% mill-wiċċ ta’ fuq tal-prodott. Wara li tieħu l-kampjuni mil-livelli differenti, ipprepara malajr il-kampjun aggregat f’barmil apposta billi tħalltu tajjeb u tippakkja l-kampjuni f’kontenituri xierqa.
  • Għall-prodotti mċaqalqa b’konvejer jew flussi ta’ prodotti oħrajn waqt il-mili jew it-tbattil ta’ tank, bawżer jew vagun imsaħħan, huwa possibbli li tieħu kampjun billi tqabbad pajp għall-mili/tbattil b’aċċessorju li jikkonsisti f’vit imsaħħan li jiġbed minn madwar in-nofs tal-pajp tar-rifluss. Għandhom jittieħdu diversi kampjuni f’intervalli regolari waqt il-proċess kollu ta’ trasferiment. Wara li tieħu l-kampjuni mil-livelli differenti, ipprepara malajr il-kampjun kompost f’barmil tal-metall adattat apposta billi tħalltu tajjeb u ppakkja l-kampjuni f’kontenituri xierqa.
  • Kun żgur li l-prodott li tiegħu tkun qed tieħu l-kampjun ma jinbidilx bil-proċess ta’ teħid ta’ kampjuni. ISSAĦĦANX il-kampjuni mill-ġdid peress li dan jista’ jaffettwa l-proprjetajiet tal-kampjun — telf tal-elementi volatili jew bidla fiżika/kimika minħabba tisħin żejjed.
Il-formola għat-teħid tal-kampjuni
  • Imla l-formola għat-teħid tal-kampjuni. Kopja għandha tkun mehmuża mal-kampjuni u kopja oħra għandha tinżamm fir-reġistri.
It-trasport
  • Temperatura ambjentali. Jekk ikun meħtieġ żommhom fi friġġ skont it-tikketta tal-prodott (kaseini, destrini, lamti modifikati, eċċ.).
Il-ħażna
  • Temperatura ambjentali. Jekk ikun meħtieġ żommhom fi friġġ skont it-tikketta tal-prodott (kaseini, destrini, lamti modifikati, eċċ.). Jekk jiġu mkessħa biex tkun tista’ taħżinhom it-temperatura għandha tiġi ssorveljata u rreġistrata.


Ix-xema’ (espandi l-lista )
In-Numru tal-HS Id-Deskrizzjoni


Ir-Reviżjonijiet
Il-Verżjoni Id-Data Il-Bidliet
1.0 12.10.2012 L-ewwel verżjoni