L-Oġġetti
Id-definizzjoni Kimiċi mixellanji, prodotti u preparazzjonijiet kimiċi f’għamla solida, inklużi fertilizzanti, komposti organiċi u inorganiċi; koloranti u pigmenti; sustanzi tensjoattivi, preparazzjonijiet għall-ħasil u lubrikanti, plastik u lastku fil-forma primarja, eċċ.; kull preparazzjoni kimika mhux magħrufa u prodotti tal-iskart/sfużi.

Għall-prodotti f’pakketti individwali ara l-iskeda speċifika għal ‘Pakketti bl-imnut u prodotti finali’.

Għall-pejsts ara l-iskeda speċifika għal ‘Ix-xema’’.

Għal-likwidi ara l-iskeda speċifika għal ‘Il-likwidi taż-żejt’.

Ċerti kimiċi m’għandhomx jittieħdu kampjuni minnhom minħabba l-proprjetajiet ferm perikolużi tagħhom; ara t-taqsima tal-informazzjoni ġenerali, link. Ikkonsulta mal-laboratorju tiegħek jekk ikollok xi dubju.


Il-kimiċi, is-solidi
Il-kwantità minima rrakkomandata għal kull kampjun 100 g
L-istandards applikabbli (ISO u Normi tal-UE) u l-leġiżlazzjoni rilevanti
  • ISO 10725 Pjanijiet ta’ aċċettazzjoni għat-teħid tal-kampjuni u proċeduri għall-ispezzjoni ta’ materjal f’massa.
  • ISO 11648-1 Aspetti statistiċi tat-teħid ta’ kampjuni minn materjal f’massa — Parti 1. Il-prinċipji ġenerali.
  • ISO 11648-2 Aspetti statistiċi tat-teħid ta’ kampjuni minn materjal f’massa — Parti 2. It-teħid ta’ kampjuni ta’ materjal partikulat.
  • ISO 3165 It-teħid ta’ kampjuni ta’ prodotti kimiċi għall-użu industrijali — Is-sigurtà waqt it-teħid ta’ kampjuni.

Għandek tirreferi wkoll għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħek u l-linji gwida nazzjonali tiegħek rigward it-teħid tal-kampjuni.


It-tagħmir meħtieġ
L-għodda ssuġġerita għat-teħid tal-kampjuni skont il-metodu użat
  • Sonda b’forma magħluqa ċilindrika bit-toqob, speċjali għall-kwantitajiet f’massa (S01-01).
  • Sonda b’forma miftuħa maqsuma f’partijiet (S02-01).
  • Pali, paletti bil-manku (S03-01).
  • Sonda b’forma miftuħa (pelican).
  • Sonda, tat-tip ‘Nobbe’, tubu wieħed b’ponta konika, dijametru ta’ 10 mm u fetħa ovali tul il-wiċċ laterali.
It-tagħmir għat-tqassim tal-kampjuni:
  • Apparat għat-tqassim fi kwadranti (metodu ta’ tqattigħ f’erbgħa).
  • Separatur tal-kampjuni f’għamla ta’ lembut li jdur (tat-tip Boerner).
  • Separatur tal-kampjuni li juża diversi skanalaturi.
Il-kontenituri li għandhom jintużaw għat-teħid tal-kampjuni Il-kontenituri għandhom ikunu magħmula minn materjal adattat għall-ħażna sigura tal-kimiċi, u għandhom ikunu ssiġillati biex ma jqattrux jew jassorbu xi umdità.
  • Boroż tal-plastik, qisien differenti, bit-tikketta stampata minn qabel jew le (P00).
  • Fliexken tal-plastik, daqsijiet differenti (P01, P03, P04)
  • Bottijiet tal-metall, kbar (M01).
  • Fliexken tal-ħġieġ, mitbuqa G01).
Il-kontenituri għall-kampjuni għandhom ikunu nodfa u mingħajr ebda sustanza li tista’ tikkontamina l-materjal li tiegħu jkun qed jittieħed kampjun (bħal ilma, ħmieġ, tentux, komposti tal-ħasil, nafta u solventi oħrajn, flussi tal-issaldjar, aċidi, sadid, u żejt).

Il-kampjuni li fil-każ tagħhom il-kontenut ta’ umdità jista’ jaffettwa l-analiżi, eż. sustanzi igroskopiċi, għandhom ikunu ppakkjati f’kontenituri li ma jħallu la umdità u lanqas arja tgħaddi minnhom. Il-kontenitur għandu jimtela kompletament u mbagħad jiġi ssiġillat biex ma jkunx hemm bidla fil-kontenut ta’ umdità.

Il-prekawzjonijiet ta’ sigurtà u l-valutazzjoni tar-riskju Jekk jogħġbok irreferi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħek u l-linji gwida nazzjonali tiegħek dwar is-saħħa u s-sigurtà.

Ftakar
  • Ċerti prodotti m’għandhomx jittieħdu kampjuni minnhom minħabba l-proprjetajiet ferm perikolużi tagħhom (link).
  • Persunal awtorizzat biss (eż. kuntrattur) jista’ jieħu kampjuni ta’ ċerti prodotti (elenkati hawnhekk) (link).

  • Ara l-MSDS jew l-ADR jekk ikunu disponibbli.
  • Oqgħod attent għas-sinjali ta’ sigurtà u ta’ twissija.
  • Ilbes tagħmir personali protettiv xieraq.
  • Għandek tkun konxju dwar u ssegwi kwalunkwe struzzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà fil-valutazzjoni tar-riskju lokali u/jew il-prattiki ta’ ħidma mingħajr periklu għall-post fejn ikun ser jittieħed il-kampjun.
Jistgħu jinħolqu sitwazzjonijiet ta’ periklu meta:
  • Tieħu kampjuni ta’ oġġetti waqt li jkunu qegħdin jiġu mċaqalqa — it-tagħmir ta’ tagħbija, konvejers, trakkijiet, u tagħmir ieħor jistgħu joħolqu periklu waqt il-ġbir tal-kampjun.
  • Tiftaħ kontenituri taħt pressa (il-pressa għandha titneħħa b’sigurtà kbira).
    • M’għandekx tipprova tiftaħ kontenituri taħt pressa li jistgħu jisplodu jekk ma tiftaħhomx kif suppost.
    • Waqt l-ispezzjoni ta’ rutina, itlob lid-dikjarant jiftaħ il-krietel u jieħu l-kampjun huwa stess.
    • Il-bokka għandha titbewwaq bil-mod b’għodda li ma tagħmilx xrar.
  • Tidħol f’żoni perikolużi (mhux aċċessibbli jew magħluqa).
  • Timmaniġġja materjal perikoluż, eż.:
    • Sustanzi li jaqbdu (eż. faħam, ċerti komposti organiċi).
    • Sustanzi ossidanti (eż. aċidi ossidanti u l-imluħa tagħhom).
    • Sustanzi tossiċi (eż. ċjanuri, komposti li jkun fihom il-merkurju, nitrati).
    • Sustanzi korrużivi u irritanti (eż. aċidi u alkali qawwija, l-imluħa tagħhom).
Għal prekawzjonijiet ġenerali ara l-EN ISO 3165 għal informazzjoni ġenerali.

It-tagħmir personali protettiv:
  • Protezzjoni għall-idejn: magħmula minn materjal li jiflaħ għall-kimiċi u ngwanti twal.
  • Protezzjoni għall-għajnejn: nuċċalijiet tas-sigurtà, maskri jew viżieri (jekk ikun meħtieġ).
  • Respiratory protection: with appropriate filter for small particles and vapours (if necessary).
  • Protezzjoni għan-nifs: b’filtru adattat għall-partiċelli żgħar u fwar (jekk ikun meħtieġ).
  • Protezzjoni għall-ġisem: ilbies tas-sigurtà, tat-tip li jkun jiflaħ għall-kimiċi, idum ma jaqbad u jkun antistatiku (jekk ikun meħtieġ).
  • Elmi tas-sigurtà, tagħmir ta’ protezzjoni għall-widnejn u ċinturin tas-sigurtà: (jekk ikun meħtieġ).

Il-pjan għat-teħid tal-kampjuni
It-tip ta’ kunsinna Il-pjan għat-teħid tal-kampjuni
Prodotti f’massa Fil-każ ta’ prodotti f’massa ttrasportati (jew maħżuna) merħija, għandhom jittieħdu kwantitajiet indaqs ta’ kampjuni inkrementali minn ħames postijiet jew aktar tal-kunsinna b’għażla każwali jew b’mod sistematiku.

Kimiċi mċaqalqa Kampjun wieħed aggregat: minn kampjuni inkrementali tul id-dijametru kollu tal-fluss, b’intervalli ddeterminati mill-veloċità tal-moviment.

Prodotti f’massa ppakkettjati Il-kimiċi fi btieti, ċilindri, bottijiet, u kontenituri żgħar li jistgħu jinġarru: għandek tassigura li l-oġġetti ċċekkjati jikkonsistu f’kunsinna waħda. Jekk ikun hemm diversi kunsinni, dawn għandhom ikunu identifikati b’mod separat. Tista’ tifforma kampjun aggregat biss minn pakketti tal-istess lott li jkun jinsab fl-istess kunsinna.

Kwantitajiet ugwali ta’ kampjuni inkrementali għandhom jittieħdu minn pakketti differenti ta’ trasport li jkunu jinsabu f’postijiet differenti fil-vettura tat-trasport jew fil-faċilità tal-ħażna b’għażla każwali jew b’mod sistematiku.


L-informazzjoni ddettaljata
Il-proċedura għat-teħid tal-kampjuni Il-kummenti ġenerali:
  • Meta l-prodott ikun ittrasportat merħi f’massa, it-tagħbija għandha titqies bħala sħiħa u l-kampjuni għandhom jittieħdu minn kull parti tat-tagħbija.
  • Teħid ta’ kampjuni awtomatiku kontinwu huwa dejjem il-metodu ppreferut minflok it-teħid ta’ kampjuni manwali.
  • Jekk jintuża reċipjent għat-taħlit, jinġabru l-kampjuni kollha inkrementali mill-postijiet kollha u wara li jkunu tħalltu tajjeb jinħoloq kampjun aggregat. Ir-reċipjent għat-taħlit għandu jitlaħlaħ minn qabel bil-prodott li tiegħu ser jittieħed il-kampjun.
  • L-immaniġġjar u l-ippakkjar tal-kampjuni għandu jsir f’post imperreċ tajjeb.
  • Meta ma jkun hemm l-ebda informazzjoni disponibbli jew l-informazzjoni (it-tikkettar, is-simboli tal-perikli, id-dokumenti) tkun differenti minn dak li tistenna għandek tittratta l-oġġetti bħala perikolużi.
  • Il-kampjuni ta’ oġġetti f’atmosferi speċjali, eż. nitroġenu, jew f’kundizzjonijiet sterili mediċi għandhom jittieħdu fil-bini ta’ min qed jirċievi l-oġġett taħt sorveljanza uffiċjali.

It-teħid ta’ kampjuni rappreżentattivi:
  • Il-kampjun għandu jirrappreżenta l-kunsinna sħiħa. Għandhom jittieħdu kampjuni inkrementali mil-lott kollu jew waqt il-proċess kollu ta’ tbattil. Il-kampjuni inkrementali għandhom jitħalltu tajjeb sabiex jinħoloq kampjun aggregat.

It-teħid ta’ kampjuni:
  • Diversi metodi japplikaw skont kif il-kimika tiġi ttrasportata jew imbattla mill-vettura tat-trasport.
  • Il-prodotti f’massa
    • Is-sondi orizzontali.Is-sondi jiddaħħlu fit-tagħbija bil-bokka tħares lejn il qiegħ, imbagħad jiddawru 180˚ u jinġibdu lura sabiex jinġabar kampjun uniformi mis-sezzjoni kollha. F’kull lott, il-kampjun għandu jinġabar minn tliet livelli (ta’ fuq, tan-nofs, u t’isfel) u f’diversi postijiet sabiex tiżgura li l-kampjun aggregat ikun wieħed rappreżentattiv.
    • Is-sondi vertikali. Is-sondi vertikali għandhom jiddaħħlu bit-toqba/toqob tal-kampjun magħluqa. Meta s-sonda tasal fil-fond meħtieġ, it-toqob għandhom jinfetħu u s-sonda għandha tingħata tidwira sabiex tkun ċert li t-toqob imtlew. Agħlaq it-toqob u tella’ s-sonda. F’kull lott, il-kampjun għandu jinġabar minn diversi punti mill-wiċċ u minn diversi livelli sabiex tiżgura li l-kampjun aggregat ikun wieħed rappreżentattiv.
  • It-teħid ta’ kampjuni minn oġġetti li jkunu qegħdin jiċċaqalqu. Meta l-prodott ikun qed jiċċaqlaq bil-magni permezz ta’ konvejers jew tagħmir ieħor jista’ jkun hemm valvoli jew rampi ta’ devjazzjoni li jippermettu li jittieħdu kampjuni f’intervalli regolari mill-fluss ta’ materjal. Jekk ma jkunx hemm minn dawn ikun jeħtieġ għal raġunijiet ta’ saħħa u sigurtà li jitwaqqaf il-fluss u tuża pala jew paletta biex tieħu kampjuni minn fuq il-konvejer. F’ċerti każijiet il-kampjuni jistgħu jinġabru mill-fluss ta’ prodott kimiku f’intervalli regolari. Fi kwalunkwe każ il-kampjuni għandhom jittieħdu tul il-ħin kollu li l-lott ikun għaddej minn quddiem il-punt ta’ teħid tal-kampjuni sabiex tiżgura li l-kampjun aggregat ikun wieħed rappreżentattiv.
  • Il-btieti, iċ-ċilindri, il-bottijiet u kontenituri żgħar oħrajn simili li jinġarru fl-idejn:
    • Għandek tassigura li l-oġġetti li tkun qed tiċċekkja jikkonsistu f’kunsinna waħda.
    • Jekk ikun hemm diversi kunsinni, dawn għandhom ikunu identifikati b’mod separat.
    • Kampjun inkrementali għandu jittieħed min-nofs ta’ kull kontenitur magħżul b’mod każwali jew b’mod sistematiku mill-kunsinna kollha.
    • Jekk għandu jittieħed kampjun minn kontenitur wieħed biss (eż. bettija), dan jinġabar dirett mill-apparat għat-teħid tal-kampjuni għal ġol-kontenitur tal-kampjuni. Meta jkun hemm bżonn li jittieħed kampjun minn grupp ta’ btieti u tkun ċert li dan il-grupp jirrappreżenta lott identiku, għandhom jittieħdu kampjuni inkrementali minn diversi btieti magħżula b’mod kawżali, li mbagħad jingħaqdu flimkien f’kontenitur tat-taħlit sabiex toħloq kampjun aggregat.

It-tqassim tal-kampjun:
  • Id-daqs ta’ kampjun aggregat jista’ jkun kbir. Jista’ jkun meħtieġ li tnaqqsu sabiex tikseb il-kampjuni finali. Jekk jogħġbok irreferi għas-Sistema ta’ tqassim tal-kampjuni.
    • Il-metodu ta’ tqassim f’erbgħa. Il-kampjun aggregat għandu jinġabar f’munzell fuq wiċċ dritt u nadif u mbagħad jitferrex f’saff ta’ ħxuna uniformi (madwar 10 cm) u wara jinqasam f’erba’ partijiet permezz ta’ separatur (gwarniċ jew għodda b’erba’ twavel imwaħħla f’angolu rett li jista’ jingħafas ’l isfel ġos-saff). Iż-żewġ kwarti opposti għandhom jitneħħew (filwaqt li tiżgura li t-trab u frak żgħir ieħor jitneħħa kull darba). Dan il-proċess għandu jkun ripetut sakemm il-kwarti li jifdal ikunu ta’ daqs xieraq biex isiru l-kampjuni finali. Il-kampjuni finali għandhom jinkludu kwalunkwe trab jew frak żgħir li jifdal.
    • Is-separaturi mekkaniċi. Meta jkunu disponibbli għandhom jintużaw separaturi tat-tip Boerner jew b’diversi dliewi (tat-tip Riffle). Bħal fil-każ tal-metodu ta’ tqassim fi kwarti, il-kampjun aggregat għandu jitnaqqas sakemm il-kwantità li jkun fadal tkun biżżejjed biex tifforma l-kampjuni finali.

  • Għal aktar tagħrif irreferi għall-Istandards tal-ISO u r-Regolamenti tal-UE fis-seħħ.
Il-formola għat-teħid tal-kampjuni
  • Imla l-formola għat-teħid tal-kampjuni. Kopja għandha tkun mehmuża mal-kampjuni u oħra għandha tinżamm fir-reġistri.
It-trasport
  • Il-kampjuni għandhom ikunu ttikkettati sabiex jindikaw in-natura speċifika tal-periklu tagħhom (simboli jew ittri kodifikati).
  • Il-kampjun jista’ jkun materjal perikoluż li t-trasport tiegħu jkun irregolat mir-regoli tal-ADR Jistgħu jiġu applikati eżenzjonijiet marbuta mal-oġġetti perikolużi ppakkjati fi kwantitajiet limitati meta jintużaw pakketti kkombinati (li jikkonsistu f’pakketti doppji li ma jinqasmux jew jittaqqbu faċilment); ara It-Trasport fit-Taqsima Ġenerali.
  • Kopja tal-MSDS għandha dejjem tinżamm mal-kampjun.
  • Il-vettura tat-trasport għandha ġġorr apparat adattat għat-tifi tan-nar.
Il-ħażna
  • Aħżen f’post frisk, għad-dlam, xott u mperreċ tajjeb ’il bogħod minn sorsi ta’ sħana.
  • Żomm il-kontenitur magħluq sew sabiex tevita li titlef komponenti ħfief.
  • Uża armarju ventilat għall-materjal li jaqbad malajr jekk ikun disponibbli.
  • Is-sinjali ta’ twissija xierqa għandhom jintwerew.

Il-kimiċi, is-solidi (espandi l-lista )
In-Numru tal-HS Id-Deskrizzjoni


Ir-Reviżjonijiet
Il-Verżjoni Id-Data Il-Bidliet
1.0 12.10.2012 L-ewwel verżjoni
1.0 30.03.2019 Update "Headings", recommended minimum quantity for sampling changed, text correction